Dawk il-Maltin u l-Għawdxin li bħalissa jinsabu msefrin u se jiġu lura Malta wara l-Erbgħa li ġej, jistgħu jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19 għal perjodu tranżitorju.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq One Radio l-Ħadd filgħodu, meta tkellem dwar id-deċiżjoni li ħa l-Gvern din il-ġimgħa biex f’Malta jidħlu biss persuni mlaqqma kompletament u b’ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut.
Dr Abela stqarr, “Meta rajna illi kien hemm sfida ġdida, il-kuraġġ kien li naġixxu mal-ewwel, u hekk għamilna, id-deċiżjoni iebsa, imma fhimna li biex nipproteġu s-settur tal-impjiegi f’pajjiżna u l-ekonomija tal-pajjiż, kien meħtieġ intervent diffiċli iżda wieħed kliniku u hekk għamilna.”
Robert Abela qal ukoll li test negattiv kontra l-COVID-19 meta wieħed jiġi Malta se jibqa’ jkun aċċettat għal tfal ta’ taħt it-tnax-il sena u persuni li minħabba raġunijiet mediċi, ma jistgħux jieħdu l-vaċċin.
Il-Prim Ministru żied jgħid li Malta dejjem kienet iżjed restrittiva mill-kumplament tal-Unjoni Ewropea u b’dan kollu, il-Gvern Malti kompla jagħti importanza liċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Dr Abela sostna,“Jekk verament inkunu rridu nagħtu iktar saħħa liċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni fejn jitkellem dwar it-tilqima, it-tieni inwasslu l-messaġġ b’saħħtu li l-vaċċin huwa s-soluzzjoni għall-pandemija u jekk verament irridu nipproteġu l-ekonomija ta’ pajjiżna, din kienet neċessarja.”
B’ton skjett, il-Prim Ministru appella lil kull min jista’ u għadu ma ħax il-vaċċin, biex jersaq ’il quddiem u jitlaqqam.
Hu rrimarka, “U għalhekk irrid nagħmel dan l-appell biex kulħadd jieħdu l-vaċċin għax sakemm ma jkollniex dawk l-għoxrin fil-mija li jiġu mlaqqmin ukoll, allura r-realtà hija illi se nkompli ntawlu l-perjodu sakemm il-pajjiż ikun jista’ jirritorna għan-normalità. Dan ma ngħidux f’kuntest lokali, għax il-pandemija tintemm meta d-dinja kollha tkun ivvaċċinata.”
Ma naqasx li f’dawn iż-żminijiet, il-Prim Ministru jwassal messaġġ ta’ kawtela.
Il-Prim Ministru appella, “Importanti li mmexxu b’għaqal u kawtela f’dan il-mument tant importanti għall-pajjiż li qatt ma nuru arroganza. Din il-ġimgħa Chris Fearne qal li ma nistgħux inkunu arroganti mal-pandemija, jien ngħid ma nistgħux nkunu arroganti f’kull settur tal-ħajja. L-umiltà trid tibqa’ dik li tiddistingwina.”