Il-Maltin huma l-aktar pożittivi fl-Unjoni Ewropea dwar l-ekonomija din is-sena.
Minkejja li l-isfidi tal-pandemija għadhom magħna, is-sentiment tal-Maltin huwa pożittiv tant li qed jaraw li din is-sena, Malta se tesperjenza tkabbir.
Sondaġġ tal-Kummissjoni Ewropea juri li bi 17.8%, il-poplu Malti u Għawdxi huwa l-aktar wieħed pożittiv dwar l-ekonomija għat-12-il xahar li ġejjin.
Dan jikkuntrasta sew mal-livell ta’ kunfidenza f’pajjiżi oħra, bħal Franza bi 33% taħt iż-żero u Ċipru bi kważi 50% taħt iż-żero.
L-istess sondaġġ juri li d-dħul għall-familji kien negattiv fis-sena tal-pandemija, imma dan is-sentiment isir pożittiv meta l-familji Maltin iħarsu lejn il-qagħda finanzjarja tagħhom għal din is-sena.
Dan l-istudju jindika titjib ukoll fl-indikaturi tal-kunfidenza f’diversi oqsma ekonomiċi, fosthom fis-settur tas-servizzi li huwa fost l-agħar milquta minħabba l-pandemija.
Ma’ dan is-sondaġġ jingħaqdu wkoll l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li fl-aħħar xhur kellhom tbassir pożittiv ħafna għall-ekonomija Maltija, bl-aktar riċenti kienet id-DBRS li reġgħet ikklassifikat l-ekonomija ta’ pajjiżna f’livell ta’ A High bi prospetti stabbli.
F’rapport dettaljat, l-esperti tad-DBRS innutaw bosta aspetti ta’ pajjiżna fl-ewwel sena ta’ Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-fatt id-DBRS, aġenzija internazzjonali ta’ kreditu ta’ fama u rispett minn bosta kkummentat b’mod pożittiv ħafna dwar ir-riformi kbar li saru tul l-elfejn u għoxrin favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-ġlieda tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna kontra l-kriminalità finanzjarja.
Riformi, li fi kliem bosta esperti huma importanti biex pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u jkattar il-fiduċja minn investituri ħalli r-rota ekonomika tibqa’ ddur.