Rapport t’aġenzija tal-Unjoni Ewropea juri li l-Maltin huma l-aktar fost il-popli Ewropej, li jħossu li l-għajnuna tal-Gvern waqt pandemija marret għand min l-aktar kien jeħtieġ.
Ir-rapport ta’ EUROFOUND, il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib fl-għajxien u fix-xogħol juri wkoll li l-poplu Malti u Għawdxi huwa wkoll it-tieni l-aktar pajjiż fost il-popli tas-sebgħa u għoxrin stat membru, li jħoss li l-miżuri t’għajnuna huma ġusti, faċli biex tgawdi minnhom u magħhom hemm marbuta regoli trasparenti u ċari.
Dan ir-rapport ħareġ fi sfond li fil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern kien ħabbar l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement.
Il-Gvern kien qal li l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi se tasal lil min hu l-aktar milqut mill-pandemija.
Fost dawn kien hemm negozji li jaħdmu fis-settur turistiku fosthom stabbilimenti tad-divertiment u bars.
Intant skont ir-rapport tal-aġenzija Ewropea, imbagħad għandek il-Ġermanja, fejn il-poplu ta’ dan il-pajjiż huwa l-inqas li jħoss li l-miżuri t’għajnuna waqt pandemija jaslu għand min l-aktar jeħtieġ.
Dan ir-rapport huwa wieħed riċenti u jirrigwardja din ir-rebbiegħa.
Fejn tidħol il-fiduċja fil-vaċċin għall-Covid-19, imbagħad il-poplu Malti u Għawdxi huwa t-tielet l-aktar poplu fl-Ewropa li jixtieq jieħu t-tilqima.
Sal-bidu ta’ dan ix-xahar nofs il-popolazzjoni adulta kienet imlaqqma kompletament u kważi tliet kwarti tal-istess popolazzjoni ħadet imqar doża waħda tal-vaċċin għall-Covid-19.
Dan it-tragward importanti wasal ukoll wara li l-ġimgħa l-oħra, Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laħqet l-immunità għall-virus tal-Covid-19.