Statistika mill-Eurostat turi li l-Maltin kienu l-iktar poplu li nefqu flushom f’lukandi u ristoranti tul is-sena li għaddiet.
L-istatistika turi li madwar 20% tal-ispiża tal-familji Maltin tul l-2017 kienet f’ristoranti u lukandi. Dan ifisser li n-nefqa tal-familji Maltin f’dawn l-istabbilimenti kienet 11% ogħla mill-medja Ewropea.
In-nefqa tal-Maltin hija l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bil-familji f’Ċipru u Spanja jonfqu ftit inqas mill-familji Maltin.
Din l-istatistika tixhed kif is-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna qed ittejjeb il-livell tal-għajxien tal-familji Maltin.
L-istatistika turi wkoll li Malta għamlet qabża kbira mill-2007 għall-2017 hekk kif in-nefqa tal-familja Maltija f’ristoranti u lukandi telgħet bi kważi 5%.
Din hija l-ikbar żieda fl-infiq fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Riflessjoni ċara ta’ kif l-familja Maltija qatgħet u qed tgawdi l-frott tat-tkabbir fl-ekonomija li pajjiżna esperjenza sa mis-sena 2013.
Dan filwaqt li r-Romanija raw l-ikbar tnaqqis fl-istatistika ta’ 5% filwaqt li n-nefqa tal-familji Spanjoli baqgħet stabbli.