94% fil-mija tal-Maltin li wieġbu stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, magħruf bħala l-Eurobarometer qalu li huma kuntenti b’ħajjithom. Kienu ċ-ċittadini tad-Danimarka, l-Irlanda, l-Olanda u l-Iżvezja li kellhom rata għola minn Malta. Iktar minn hekk, anke jekk ħafna huma kuntenti bil-livell ta’ ħajja tagħhom, 41% saħansitra jbassru li se tmur għall-aħjar fi żmien li ġej. 6% biss qalu li s-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar.
U żgur li f’dan kollu tilgħab l-irwol il-qagħda finanzjarja tal-familja għax kif jgħidu bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. 82% tal-Maltin qalu li l-qagħda finanzjarja tal-familja tagħhom hi waħda tajba u l-Eurobarometer jgħid li l-previżjonijiet għal li ġej huma iktar pożittivi fejn filwaqt li ħafna jemmnu li se jibqgħu fl-istess pożizzjoni tajba, kwart tal-Maltin qed jarawha saħansitra titjieb.
67% tal-Maltin qalu wkoll li s-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom hi waħda tajba, b’sebgħa fil-mija biss jgħidu li mhix. Il-kumplament qalu li ma jafux.