Il-Maltin huma fost l-aktar ċittadini li jonfqu meta jkunu msefrin, skont ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk ħareġ kif, is-sena l-oħra, kull Malti jonfoq medja ta’ ftit inqas minn mija u erbgħin ewro għal kull lejl barra l-pajjiż.
Ir-rata ta’ kemm jonfqu l-Maltin meta jsiefru, hi ferm aktar mill-medja ta’ kemm jonfqu l-Ewropej fil-btajjel tagħhom, li tammonta għal inqas minn mitt ewro kull lejl ras għal ras.
Dwar xi jfisser aħjar dan, tlabna l-kumment tal-ekonomista l-Professur Philip von Brockdorff.
“Juri naħseb l-andament li, anke f’Malta, li l-livell tal-konsum jibqa’ wieħed b’saħħtu, qed jiġġenera attività ekonomika, kemm f’pajjiżna, imma qed narawha wkoll riflessa meta jsiefru l-Maltin. In-nefqa tagħhom hi fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.”
PROF PHILIP VON BROCKDORFF
L-ekonomista semma wkoll numru ta’ fatturi, li jwasslu għal din iż-żieda.
“Li qed naraw ukoll li kemm biż-żidiet fid-dħul, imma kif ukoll fil-konsum, kif għedt qabel, jibqa’ b’saħħtu ħafna li, allura, jindika wkoll li meta jsiefru l-Maltin u Għawdxin, f’pajjiżi oħrajn barra minn pajjiżna, qed jonfqu livell naħseb pjuttost għoli.”
PROF PHILIP VON BROCKDORFF
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ ukoll li l-inqas turisti fl-Unjoni Ewropea li jonfqu meta jkunu msefrin għal btala huma l-Griegi, il-Pollakki u ċ-Ċeki.