Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju li għadda, it-turiżmu ’l barra mill-pajjiż kompla juri rkupru b’saħħtu wara l-pandemija.
Fil-fatt, f’dan il-perjodu ntefqu total ta’ mija u tlettax-il miljun ewro minn residenti f’Malta f’safar barra mill-pajjiż. Il-medja tan-nefqa minn kull persuna waqt btajjel barra mill-pajjiż kienet ta’ €815.
Dan ħareġ minn cifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnhom irriżulta li, fit-tieni kwart tas-sena kienu 139,083 dawk li ħallew pajjiżna għal skopijiet ta’ turiżmu.
Il-maġġoranza tan-nies li siefru barra mill-pajjiż għamlu dan għal skopijiet ta’ btajjel: 75,618 persuna. 39,320 persuna siefru biex jiltaqgħu ma’ qraba u ħbieb.
16,038 ruħ ħarġu minn pajjiżna għal skopijiet professjonali u 8,107 siefru għal skopijiet oħra.
Jekk wieħed iħares lejn l-etajiet li l-aktar li għażlu li jsiefru f’dan il-perjodu hemm dawk bejn il-25 u l-44 sena, b’50.2% jaqgħu f’din il-kategorija ta’ età.
26.8% tal-persuni li siefru f’dan il-perjodu għandhom bejn ħamsa u erbgħin u erbgħa u sittin sena.
Dawk li għandhom ’il fuq minn ħamsa u sittin sena huma l-inqas kategorija ta’ età li siefru f’dan il-perjodu.
B’mod kollettiv, dawn it-turisti qattgħu 951,051 lejl barra mill-pajjiż.
Il-medja ta’ kull vjaġġ f’dan il-perjodu kienet sitta punt tmien iljieli.
L-Italja baqgħet l-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin, b’39.2% tal-vjaġġi jkunu lejn dan il-pajjiż ġar tagħna.