Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Imxija tal-Covid 19, f’ġurnata sajfija mill-isbaħ u fi sħana taqli l-ankri, ħafna erħewla għad-dell fil-ġonna tal-Buskett li kienu mogħnija bl-abbundanza tal-ġid tal-biedja u l-agrikoltura Maltija.
Dan hekk kif itellgħet il-fiera tant popolari tal-Imnarja.
Barra li l-Imnarja serviet bħala vetrina għall-biedja u l-prodotti agrikoli Maltin, il-pubbliku li żar il-Buskett dis-sena, seta’ jara diversi t-tradizzjonijiet folkloristiċi maltin, bħal xogħol fin-newl, l-ipproċessar tas-suf, xogħol ta’ artiġġjanat, xogħol fit-tafal u saħansitra wkoll is-sbuħija tal-għana Malti, mill-għannejja u l-kittaristi.
Wieħed seta’ jduq ukoll l-ikel tradizzjonali malti u jgawdi mill-ħxejjex u l-frott tar-raba Malti u għażla ta’ prodotti lokali Maltin bħal ġbejniet, l-għasel u l-inbid.
Kien hemm ukoll il-kompetizzjonijiet tal-bhejjem ta’ kull daqs u għamla li attiraw lill-folol ta’ nies, fosthom lit-tfal li flew bir-reqqa il-gendus Malti, il-mogħoż, is-sriedaq u t-tiġieġ ta’ Malta fost oħrajn.
Mario Camilleri kellimna dwar it-tħejjijiet tal-Imnarja ta’ dis-sena, li minħabba l-pandemija, bdew biss, minn Marzu li għadda.
Camilleri qal, “Irnexxilna, bit-tim ckejken li għandna, irnexxilna ntellgħu l-Imnarja ta’ dis-sena b’mod mhux biss tradizzjonali imma wkoll b’mod edukattiv u ntegrali ħafna.”
Il-Ministru Anton Refalo spjegalna dwar l-importanza tat-tradizzjonijiet Maltin bħal ma hija l-Imnarja.
Stqarr, “Naħseb din il-wirja hija mportanti mhux biss li l-poplu joħroġ u jinteressa ruħu però importanti li niċċelebraw il-frott u x-xogħol tar-raħħal u l-bidwi Malti u Għawdxi u jien minn hawn insellmilhom u ngħidilhom grazzi għax-xogħol li qegħdin jagħmlu f’dan is-settur.”
Tkellimna ma’ dawk li bakkru kmieni għall-Imnarja sabiex jispjegawlna r-raġunijiet għaż-żjara tagħhom f’din il-fiera li tant kienet mistennija wara nuqqas ta’ sentejn.
Sadanitant qabel ma tlaqna dawn iż-żewġ għannejja dewwquna ftit mill-ġmiel tal-għani Malti.