Spettaklu ta’ Boxing u Kickboxing fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f Hal Farruġ waqt id-29 edizzjoni ta’ Gladiators Fight Night bl-isem ta’ The Battle Of Warriors organizzata mill-promoters Mariana Azzopardi Spiteri ,Noel Mercieca,Joesam Azzopardi u Mariella Sciberras.
Gladiators Promotions hija l-ikbar promozzjoni li ilha għaddejja f pajjiżna fejn tagħati opportunitajiet lill-atleti fil-Kickboxing, Boxing, K1 u Muay Thai sabiex jimxu ‘l quddiem f ‘dan l-isport.
L-avveniment kien imqassam fuq jumejn. Fl-ewwel jum saru 16-il ġlieda Boxing sanzjonati mill-Malta Boxing Federation. Ġlidiet li kienu Olympic Standard bejn klabbs maltin u oħrajn barranin.
Fit-tieni jum l-attenzjoni kienet fuq il-K1, Muay Thai, Kickboxing u Boxing professjonali sanzjonati mill-Malta Boxing Association, Malta Kickboxing Association u World Kickboxing Network.
Kien hemm b’kollox 27 ġlieda li 18 minnhom kienu ma’ klabbs barranin.
Ta’ nota li l-maltin rebħu b’mod impresjonanti 12 minn dawn it-18-il ġlieda. Dan ikompli jikkonferma l-livell għoli li laħaq dan l-isport f’pajjiżna.
Spikkaw seba’ titili internazzjonali li kollha intrebħu minn ġellieda maltin. Ta’ min isemmi fost oħrajn il-Gladiators Titles li ntrebħu miċ-ċkejken ta’ 10 snin Jake Azzopardi, Emma Xuereb, Jaydee Cassar u Brent Spiteri, kollha titili K1. Magħhom Jean Claude Mifsud fil-Boxing.
Kien hemm ukoll żewġ titli ta WKN European am/pro li ġew mirbuħa minn Ryan Cachia u Leanne Magro.