L-44 edizzjoni tal-Olimpijadi Mondjali taċ-Ċess issa waslet nofs triq, bil-kontinġent Malti magħmul minn żewġ timijiet nazzjonali iħabbat wiċċu ma’ avversarji b’saħħithom ferm. Fil-bidu tal-Olimpijadi, it-tim tal-irġiel kien ikklassifikat fil-116 post minn total ta’ 188 pajjiż minn madwar id-dinja. Mis-sitt logħbiet li ntlagħbu s’issa, fis-sezzjoni Open, Malta rebħet bi 3 punti kontra Timor-Leste, Fiji u b’ 2½ punti kontra l-Palestina. It-tim Malti tilef b’1-3 kontra l-Ecuador, nofs punt kontra l-Yemen u 0-4 kontra s-Serbja u l-Iraq. Fit-8 logħba li ser tintlagħab illum 6 ta’ Awwissu, Malta ser tiltaqa’ mat-tim ta’ Sao Tome & Principe.
It-tim tan-nisa kienu ikklassifikati fil-107 post minn total ta’ 162 pajjiż. Fis-sezzjoni tan-nisa, it-tim Malti ikkonfronta u rebaħ bi 3½ punt kontra l-Eritrea u Bhutan u rebaħ lil l-Eswatini bi 3–1. Minn naħa l-oħra, it-tim Malti tilef b’nofs punt kontra l-Iraq, u 0-4 kontra l-Bangladesh, New Zealand u l-Greċja. Illum għat-8 round it-tim Malti tan-nisa ser jilgħab kontra in-Nicaragua.
It-tim tan-nisa qiegħed jikkonfronta plejers ferm b’saħħithom u l-logħob huwa intensiv. Fil-logħba kontra New Zealand, Woman Fide Master (WFM) Jamie Farrugia ikkonfrontat Woman International Master b’ranking ferm għola minn tagħha waqt logħba akkanita fejn iż-żagħżugħa Maltija kellha vantaġġ qawwi ta’ rebħ. Il-logħba intilfet fl-aħħar minuti fuq l-arloġġ wara sigħat ta’ logħob. Fil-logħba kontra it-tim b’saħħtu tal-Iraq, WFM Filipina Thornton, irnexxielha tikseb draw f’logħba iebsa kontra plejer b’ranking ogħla. Fuq livell personali s’issa, WFM Filipina Thornton fuq board 1, għandha 3 rebħiet u draw, u WFM Jamie Farrugia għandha 2 rebħiet u draw. Milena Stagno għandha 2 rebħiet, Candidate Master (CM) Urna Psaila għandha rebħa u draw, u l-iżgħar plejer tat-tim, Hayley Thornton għandha rebħa.
Polza diffiċli ukoll laqqgħet it-tim tal-irġiel ma’ avversarji iebsin. Fl-ewwel logħba tagħhom kontra s-Serbja, it-tim beda l-Olimpjadi bil-kbir meta ikonfronta plejers li kienu kollha Grandmasters. F’round 3, fil-logħba kontra t-tim b’saħħtu tal-Ecuador, Candidate Master Colin Pace, irnexxielu jirbaħ logħba akkanita kontra International Master, filwaqt li CM Jake Darmanin kellu logħba ferm iebsa kontra Grandmaster fuq board 1. Fil-logħba kontra l-Yemen, fejn it-tim Malti lagħab kontra plejers b’ranking ferm ogħla minn tagħhom, Jack Mizzi irnexxielu jikseb draw. Għal Mizzi, dan huwa l-ewwel Olimpjadi tiegħu. S’issa CM Colin Pace għandu tliet rebħiet minn ħamsa u CM David Cilia Vincenti għandu żewġ rebħiet u draw. CM Jake Darmanin, CM Duncan Vella u Jack Mizzi għandhom rebħa u draw kull wieħed.
Filwaqt li nawguraw liż-żewġ timijiet Maltin esperjenza mill-isbaħ waqt dan l-Olimpjadi Mondjali tant prestiġjuż fid-dinja taċ-Ċess, infakkrukom li l-logħob kollu qed jiġi trasmess live fuq il-website uffiċċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija taċ-Ċess FIDE (fide.com). Il-logħob jibda fit-3pm li jiġi 11.30am ħin ta’ Malta. Bħalissa it-timijiet fl-ewwel postijiet tal-klassifika huma l-Armenia u l-Indja b’rebħ assolut fiż-żewġ sezzjonijiet. Warajhom hemm it-tim Amerikan fis-sezzjoni Open u l-Azerbaijan u r-Rumanija fis-sezzjoni tan-nisa.