Is-Sibt 17 ta’ Ġunju ġiet organizzata serata oħra ta’ Combat Sports minn The Arena Promotions bl-isem ta’ ‘Gods of War’. Pubbliku numeruz attenda għal dan l-avveniment f’Hal Farruġ fejn seta’ jsegwi ġlidiet ta’ livell għoli u li offrew spettaklu.
Spikkaw l-atleti maltin li kellhom wirjiet mill-aqwa. Il-ġlidiet kienu ta’ Boxing, Kickboxing, K1 rules u Mixed Martial Arts.
Il-maltin iġġieldu kontra ġellieda mill-Ingiliterra, Wales, l-Italja u l-Ġermanja.
Team Malta rebaħ disa’ ġlidiet minn tnax, ħamsa minnhom li kienu titli WKA International.
Il-maltin rebbieħa kienu Ruud Chircop (MMA Bout), Aleandro Schembri Manicaro (MMA Bout), Ivyn Abdilla (K1) u Michael Bonnici (K1).
Magħhom kien hemm il-ħames titli WKA International li ntrebħu wkoll mill-maltin. Dawn kienu Brandon Borġ Boxing), Fouad Wakil (Boxing), Lydon Xuereb (Boxing), il-veteran Mark Manicolo (K1 rules) u Kevin Argelier. L-ewwel erba’ rebħu b’Knock Out filwaqt li Argelier bil-punti.
Simon Chetcuti, il-moħħ wara dan l-avveniment, irringrazzja lit-22 klabb li ħadu sehem flimkien mal-atleti, kowċies u l-istaff. Irringrazzja wkoll lill-pubbliku numeruż li attenda.
Ta’ sodisfazzjon il-fatt li d-WKA World Head Office sejjaħ l-avveniment tas-sibt li għadda bħala l-isbaħ wieħed li kien hemm fl-Ewropa mill-avvenimenti kollha li jiġu organizzati.