Riċerka tal-Università ta’ Malta żviluppat teknoloġija li għandha tgħin il-bdoti jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom.
Dawn huma kameras speċjalizzati li permezz tagħhom min ikun qed isuq l-ajruplan ikun jista’ jara aħjar l-ostakli li jiffaċja waqt it-titjira. B’hekk il-proġett, bl-isem ta’ SAGRO, ħoloq sistema flessibli li se żżid is-sigurtà waqt it-titjiriet.Dan l-apparat innovativ kien ipprovat kemm il-darba u laħaq l-għanijiet kollha tiegħu biex b’hekk issa jista jiġi varat fis-suq lokali u internazzjonali.
Biex seta’ sar il-proġett, li kien ippreżentat fl-Università ta’ Malta, ingħatat l-għajnuna tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija bid-Direttur James Foden jagħti iktar dettalji dwar l-għan tal-proġett.
James Foden, direttur tal-MCST, qal li dan il-proġett huwa ffokat fuq situational awareness technologies, kemm bħala software u kemm bħala hardware. Qal li dawn il-proġetti qed joħolqu pjattaforma ta’ riċerka, biex umbad wieħed jista’ jew jipproteġi jew jikkummerċjalizza l-ideat, jew ibiegħ l-idea bħala liċenzja.
Is-settur tal-Areospace qiegħed jikber b’rata mgħaġġla f’diversi pajjiżi u b’investiment ta’ dan it-tip Malta tista’ tattira investiment barrani biex ikun hemm niċċa oħra li saħħaħ l-ekonomija. Tant li kien għalhekk ukoll li l-Kunsill għax-Xjenza u t-Teknoloġija investa kważi €200,000 f’din ir-riċerka li damet għaddejja sentejn.
Proġetti bħal dan u oħrajn jgħinu biex Malta saħħaħ il-preżenza tagħha fi swieq ġodda, filwaqt li riċerkaturi Maltin isibu l-appoġġ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.