Għal dawn l-aħħar 18-il sena l-kumpanija Teatru Rjal żammet l-appuntament annwali tagħha billi tellgħet pantomima, u din is-sena ma kinitx inqas, bil-pantomima The Jungle Book.
Id-Direttur tal-pantomima, Pawlu Testa, stqarr li din il-pantomima hi miżgħuda b’satira politika li l-udjenza saret tilqa’ b’idejha miftuħin.
Testa nnota li tul is-snin l-udjenza mmaturat b’tali mod li saret taċċetta s-satira politika tant li llum saret parti integrali mill-pantomima:
“In-nies turi wkoll kemm għandna poplu matur, l-iktar li tkun qed tistenna hija is-satira fejn jidħlu ċajt fejn jidħlu politikanti u l-politika. Tkun qed tistennihom. Jistgħu jkunu fuq partit u jistgħu jkunu fuq partit ieħor, in-nies tidħaq u hija xi ħaġa nazzjonali però turi wkoll li tkun qed tistennihom, hija xi ħaġa b’saħħitha fil-pantomima, ma tistax ma tagħmilhix.”
Għamel enfasi wkoll fuq l-użu tal-Malti fil-pantomima, u kif mill-qafas tal-istorja, bi kreattività, tista’ toħroġ xeni oħra ferm interessanti għall-pubbliku.
“Din stabbilixxiet ruħha bħala waħda mit-top tal-pantomimi però bil-Malti, xi ħaġa li dejjem emmint fiha qabel ma bdejt nagħmilha. Bażikament, hija bil-Malti kif għidt, u għandek l-istess affarijiet ta’ pantomima tradizzjonali, jiġifieri dawk ma tistax toħroġ minnhom. Għandek storja, iżżomm il-qafas tagħha, però għandek il-liċenzja li toħroġ ‘il barra minn hemm. Iżżid kemm trid iġifieri u tagħmel dak li taħseb hu biżżejjed għall-ispettajklu.”
Fil-wirja li żorna ta’ din il-pantomima fl-Istitut Kattoliku, ma kienx hemm fejn toqgħod labra, tant li se ssir wirja oħra fil-5 ta’ Jannar.