Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, 146,162 Malti siefru barra mill-pajjiż. Numru li jfisser żieda ta’ 16.5% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017.
Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn April u Ġunju, il-vjaġġi lejn pajjiżi mhux tal-Unjoni ewropea żdiedu bi kważi 40%. L-Italja u r-Renju Unit baqgħu l-iktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin, hekk kif ammontaw għal 49% tal-vjaġġi kollha.
Kien hemm ukoll żieda fl-ammont ta’ ljieli, hekk kif dawn żdiedu b’iktar minn 3%, u ammontaw għal iktar minn 943,000 lejl. Il-maġġoranza ta’ dawn saru fi stabbilimenti t’ akkomodazzjoni.
In-nefqa wkoll żdiedet meta mqabbla mal-istess kwart tas-sena l-oħra. Jirriżulta li kien hemm żieda ta’ iktar minn 9%, u ammontat għal medja ta’ €809 kull safra.