Jekk meta tkun se tpoġġi rasek fuq l-imħadda għal siegħa mistrieħ waranofsinhar – il-ġarr jiddeċiedi li huwa l-mument opportun li jagħmel l-istorbju – mintiex waħdek.
Statistika tal-EUROSTAT żvelat li l-Maltin huma l-aktar li għandhom il-ġirien storbjużi. Iċ-ċifri juru kif wieħed minn kull erbà persuni f’Malta ma jistgħux jew mhux jitħallew igawdu mis-silenzju tad-dar tagħhom.
Huma aktar minn sitta u għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija li għandhom il-ġarr storbjuż, b’dan il-persentaġġ huwa l-ogħla wieħed fost il-pajjiżi Ewropej. Il-Maltin huma segwiti mill-Ġermaniżi b’ ħamsa u għoxrin punt wieħed fil-mija u mill-Olandiżi fit-tielet post.
L-istatistika turi wkoll li huma dawk li jgħixu fl-ibliet l-iżjed li jintlaqtu minn dan l-istorbju bi tlieta u għoxrin punti perċentwali meta mqabbel ma’ għaxar punt erbà perċentwali f’żoni rurali.
Dan filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li rrapportaw li qed jesperjenzaw problemi minħabba l-istorbju mill-ġirien kienu persuni li jgħixu waħedhom, b’perċentwal ta’ għoxrin punt tmienja fil-mija.
Dawn kienu segwiti minn djar li fihom jgħixu żewġ persuni b’sittax punt sitta fil-mija. B’dawk li jgħixu f’dar ta’ iżjed minn tliet adulti jew iżjed kienu l-inqas li għamlu dawn ir-rapporti.
L-istatistika turi wkoll li l-maġġoranza ta’ dawn ir-rapporti saru minn persuni li m’għandhomx tfal jgħixu magħhom, b’perċentwal ta’ aktar minn tmintax fil-mija.
Dawn it-tip ta’ rapporti saru ferm inqas fl-Irlanda, il-Kroazja, il-Bulgarija u l-Estonja li jidher li fosthom tirrenja s-serenità u l-paċi.
One News jinsab informat li fl-aħħar xhur inħatret kummissjoni mill- Ministeru għall-Ambjent li se tirrevedi l-liġijiet preżenti dwar il-ħsejjes u l-istorbju li jagħmlu ħsara għas-saħħa u għas-smiegħ.
Il-Kummissjoni li hija magħmula mill-Pulizija, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u d-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali, se tkun f’pożizzjoni li tirrakomanda liġijiet ulterjuri sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tal-ħsejjes.
Huwa mifhum li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom l-istess problema minħabba li ftit hu l-ispazju fejn jirrenja l-kwiet waqt li l-storbju, fosthom dak ikkawżat mill-għajjat u twerżiq tal-ġirien jinstema’ minn seba’ mili bogħod.