Studju tal-Ewrobarometru juri ċifri pożittivi ħafna fil-fiduċja tal-Maltin fl-istituzzjonijiet bħal ma huma l-Gvern u anki l-Parlament.
Dan meta mqabbel mal-medja Ewropea.
Fil-fatt 49% tal-Maltin, kważi nofs il-popolazzjoni għandha fiduċja fil-Gvern Malti, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-medja tal-pajjiżi Ewropej hija 36%.
Dan ifisser li l-Maltin għandhom 13% iżjed fiduċja fil-Gvern tagħhom, mill-popli Ewropej bħala medja.
Fil-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Maltin għandhom fiduċja ta’ 11% iżjed mill-medja Ewropea.
Ċifri sinjifikanti oħra huma fl-Amministrazzjoni Pubblika, fejn 57% tal-Maltin għandhom fiduċja fiha iżda l-medja Ewropea hija 49% jew 8% inqas.
Il-Maltin għandhom fiduċja wkoll iżjed mill-medja Ewropea fl-awtoritajiet reġjonali u lokali, bħal ma huma l-Kunsilli Lokali, fil-każ ta’ pajjiżna.
Il-qasam tas-saħħa ta’ pajjiżna wkoll igawdi fiduċja b’saħħitha mill-Maltin.
Fil-fatt skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, 85% tal-Maltin għandhom fiduċja fil-qasam tas-saħħa li qam għall-okkażjoni fl-aħħar xhur ta’ pandemija.
Il-medja Ewropea hija ta’ 5% inqas mir-rata ta’ Malta.
Il-partiti politiċi Maltin igawdu wkoll ftit iżjed fiduċja mill-popolazzjoni Maltija milli l-Ewropej jafdaw il-partiti politiċi tagħhom.
Il-Maltin ukoll għandhom fiduċja iżjed mill-Ewropej fil-Kummissjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew u anki fil-Bank Ċentrali Ewropew.
Mhux l-istess jista’ jingħad għall-midja, fejn il-midja stampata bħall-gazzetti, ir-radju u t-televiżjoni ma jgawdux fiduċja fost il-Maltin, daqs l-Ewropej.
Intant il-pulizija f’Malta żiedet il-fiduċja fost il-Maltin b’4%.
Dan meta mqabbel mal-istħarriġ tal-Ewrobarometru tas-sena l-oħra.