Għal snin twal familji Maltin u Għawdxin segwew it-tradizzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira iżda llum il-ġurnata, għadhom isegwuhom?
Minn sawm mil-laħam u l-ħelu, għal ħarġa mal-familja għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn huma wħud mit-tradizzjonijiet li l-familji Maltin u Għawdxin imxew magħhom matul is-snin.
Iżda llum il-ġurnata, fl-2019, għadhom isegwuhom daqsekk mill-qrib?
Fil-Belt Valletta bosta qalulna li ż-żminijiet m’għadhomx l-istess, filwaqt li oħrajn sostnew li l-Maltin xorta waħda għadhom isegwuhom.
“Mhux daqs qabel ta’. Ma naħsibx li daqs qabel.”
“Għadhom iżda mhux daqs qabel. Qabel niftakar jien kienu jkunu b’nofs bieba magħluqa, la diski, la ikel, ristoranti kulħadd jiftaħ.”
“Insomma ta’ mhux ħafna daqs qabel, illum aktar moħħhom fil-mobiles u affarijiet hekk.”
Iżda filwaqt li kien hemm min ikkummenta kif iż-żgħażagħ m’għadhomx isegwu t-tradizzjonijiet ta’ dari, bħas-sawm mill-laħam u l-ħelu; u ż-żjara mal-familja fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, oħrajn sostnew li jemmnu li għadhom popolari.
“Bla dubju ta’ xejn il-poplu malti jien nemmen li fil-maġġoranza tiegħu għadu nisrani u dawn il-festi tant għażiż għalina, isegwi. Bħal-lejla l-purċissjonijiet f’diversi rħula speċjalment hawn il-belt jkunu segwiti minn ħafna u ħafna nies speċjalment anke turisti li għalihom tkun xi ħaġa ġdida”
“Sinonimu ħafna anzi fil-kultura tagħna maltija. Filfatt għadni ġej minn rappreżentazzjoni għal dawn iż-żminijiet. U hija xi ħaġa li manniex nitilfuha …. L-aspett reliġjuż u kulturali qabel kien hemm inqas differenza bejniethom. Illum il-ġurnata, qishu hemm daqsxejn differenza u hemm iktar fuq l-aspett kulturali aktar milli l-aspett reliġjuż.”
“Naħseb li f’daż-żminijiet speċjalment kulħadd iħobb jinġabar daqsxejn anke fi ħsibijietu u huwa bħall-milied li huwa okkażjoni ta’ ferħ, il-ġimgħa l-kbira nirriflettu naqra x’inhu jiġri madwarna.”
Minkejja li l-opinjonijiet ivarjaw, ir-realtà hi li bħal kollox, iż-żminijiet jinbidlu, it-tradizzjonijiet jieħdu xeħta differenti u filwaqt li xi wħud jintesew oħrajn jindraw.