Huma bosta li jibdew is-sena b’akkwist ileqq u jlellex biex ikomplu jżidu mar-rigali li jkunu qalgħu fi żmien il-festi.
Crew ta’ ONE News żar it-toroq f’Tas-Sliema biex jindaga ftit x’inhi l-opinjoni tagħna l-Maltin fuq l-iskontijiet.
“Ġejt tixtri ħabba l-iskontijiet?”
“Iva”
“Le, ġejt nixtri għax għandi bżonn xi ħwejjeġ.”
“Ħabba kollox biex noħorġu naqra tal-familja.”
“Le ta’, iktar inbiddel affarijiet.”
“Ma ġejtx eżatt ħabba s-sales.”
“Le jien il-biċċa l-kbira nħobb niġi ħafna imma mhux għax hawn is-sale ta’, dejjem inħobb nixtri.”
“Le, le, le.”
“Le ta’. Ġejt nixtri rigal.”
Staqsejna lil xi wħud jagħmluhiex tradizzjoni ta’ kull sena li jgawdu mill-iskontijiet f’Jannar. Jekk jagħmluhiex tradizzjoni ta’ kull sena li joħorġu jixtru kull meta jibda x-xahar ta’ Jannar, kienu bosta li qalulna li jonfqu biss għall-bżonn.
“Mhux kull Jannar niġi, meta jkolli bżonn biss niġi jien.”
“Skont meta jkollna off, inzertajna bix-shutdown u ħriġna naqra.”
“Le dejjem noħorġu nixtru, m’hemmx għalfejn jiġi s-sale.”
“Le, le, le propjament iktar milli ġejt nixtri, ġejt nibdel xi affarijiet, imma la qiegħda hawnhekk.”
Oħrajn stqarru li ta’ kull sena jżuru l-istabbilimenti tax-xiri biex ifittxu xi gwadann.
“Niġi, għax peress li noqgħod hawn, niġi ta’ spiss, ikun daqsxejn iktar interessanti meta jkun hawn is-sale.”
“Inħobb meta jkun hawn is-sale niġi nixtri, kulħadd jieħu pjaċir naħseb.”
Waqt ir-ronda sħiħa li għamel dan l-istazzjon mal-istabbiliment f’tas-Sliema, evidenti kien hemm numru ta’ persuni fuq barra tal-ħwienet iserrħu saqajhom u jistennew lill-qraba tagħhom.
“Jiena ġejt bħala driver, inwassal il-familja tiegħi.”
Żgur mhux forsi stajna nikkonkludu li l-festi jattiraw aktar nies lejn l-istabbilimenti iżda ma kienux neċessarjament l-iskontijiet li ħajruhom jixtru.