Il-Maltin huma l-aktar sodisfatti b’ħajjithom fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fil-ħarifa li għadda. L-istħarriġ wera li 96% fil-mija tal-Maltin intervistati qalu li jinsabu sodisfatti bil-ħajja f’Malta. 13% iktar mill-medja Ewropea.
95% tal-Maltin wieġbu li s-sitwazzjoni ekonomika f’Malta hi tajba jew tajba ħafna. L-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u kważi d-doppju tal-medja Ewropea.
Minkejja attakki bla waqfien mill-Oppożizzjoni fuq l-istituzzjonijiet Maltin, l-istħarriġ juri li ħafna istituzzjonijiet f’Malta jgawdu iktar fiduċja mill-medja Ewropea.
Notevoli fost dawn hemm il-fiduċja fil-Gvern Malti li jgawdi fiduċja bi kważi d-doppju tal-medja Ewropea. Dan hekk kif l-istħarriġ juri li 63% tal-poplu Malti għandu fiduċja sħiħa f’dan il-Gvern filwaqt li l-medja Ewropea hija biss ta’ 35%.
Dawk li għandhom fiduċja fil-Gvern żiedu bi 12%.
B’77%, l-istħarriġ wera wkoll li l-poplu Malti għandu fiduċja kbira fl-Armata. B’68% l-Amministrazzjoni Pubblika wkoll tgawdi minn fiduċja ogħla mill-medja Ewropea.
Il-fiduċja fil-Parlament żdiedet bi sbatax fil-mija għal 59% filwaqt li l-fiduċja fil-partiti politiċi hi d-doppju tal-medja Ewropea.
L-istħarriġ wera wkoll li t-televiżjoni jgawdi l-ikbar fiduċja mill-Maltin segwiti mir-radju, l-internet u l-gazzetti li jgawdu l-inqas fiduċja mill-Maltin.
Dwar il-ġejjieni, 83% tal-Maltin qalu li jinsabu fiduċjużi filwaqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 67%.