Stħarriġ tal-Eurostat dwar il-kwalità tal-ħajja juri li matul is-sena li għaddiet il-Maltin kienu fost l-aktar sodisfatti b’ħajjithom, bil-qagħda finanzjarja u bir-relazzjonijiet personali tagħhom fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-istħarriġ tal-Eurostat ikklassifika lil Malta fid-9 post minn fost it-28 pajjiżi Ewropej.
L-istħarriġ wera li b’punteġġ ta’ 7.5 minn 10 punti, il-Maltin huma sodisfatti b’ħajjithom aktar mill-medja Ewropea.
Fl-istħarriġ Ewropew, il-Finlandja kklassfikat fl-ewwel post b’punteġġ ta’ 8.1% segwita mill-Awstrija u d-Danimarka.
Fl-istħarriġ, is-sodisfazzjon tal-ħajja tal-Maltin kien aħjar minn ta’ bosta pajjiżi Ewropej fosthom il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja.
Ħareġ ukoll li meta mqabbel ma’ 5 snin ilu, is-sodisfazzjoni tal-ħajja tal-Maltin kompla jiżdied u qabeż is-sentiment Ewropew ukoll dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom meta mqabbel ma’ 5 snin ilu.
Fil-fatt il-qagħda finanzjarja tal-familji Maltin u Għawdxin mhux biss kienet aħjar mill-medja Ewropea, iżda rreġistrat ir-raba’ l-ogħla żieda fost il-pajjiżi kollha Ewropea meta mqabbel mal-2013 u kompliet tavvanza ’l quddiem b’rata aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea.
Fil-fatt ir-rata f’Malta żdiedet minn 6% fl-2013 għal 6.8% s-sena li għaddiet. Hawn ukoll is-sentiment tal-qagħda finanzjarja tal-Maltin kien aħjar minn dik tal-Franċiżi, it-Taljani u l-Ispanjoli fost oħrajn.
L-istħarriġ tal-Eurostat wera wkoll li b’punteġġ ta’ 8.6 minn 10 punti, il-Maltin jinsabu fil-quċċata f’dawk li huma relazzjonijiet personali segwiti mill-Awstrijaċi u l-Isloveni.