Matul l-2020, Malta kienet it-tieni l-iżjed pajjiż fost l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea fejn in-nies igawdu l-aktar snin ta’ ħajja fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Dan ħareġ minn ċifri ppublikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat.
Dawn iċ-ċifri jgħoddu n-numru ta’ snin li persuna tgħix mingħajr ma tkunx limitata milli tagħmel xi attivita.
Skont dawn iċ-ċifri, in-nisa f’pajjiżna jgħixu medja ta’ 70.7 sena fi stat tajjeb ta’ saħħa, waqt li l-irġiel jgħixu medja ta’ 70.2 sena fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Anki fl-Unjoni Ewropea, kollha kemm hi, in-nisa wkoll jgħixu fi stat tajjeb ta’ saħħa aktar mill-irġiel. Skont il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, in-nisa jgħixu madwar 64.5 sena fi stat tajjeb ta’ ħajja, waqt li l-irġiel jgħixu 63.5 sena.
F’din l-istatistika, hija biss l-Iżvezja li għandha n-nies li jgħixu aktar snin ta’ ħajja fi stat tajjeb ta’ saħħa minn pajjiżna.
Hawnhekk joħroġ kif in-nisa u l-irġiel fl-Iżvezja u f’Malta biss jaqbżu 70 sena ta’ snin ta’ ħajja fi stat tajjeb ta’ saħħa.