Il-Maltin igawdu minn stat ta’ saħħa tajjeb u huma fost l-aktar li jgħixu fit-tul fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn rapport Ewropew ippubblikat l-Erbgħa, imsejjaħ “State of Health in the EU”, li analizza l-istat ta’ saħħa f’Malta matul is-2019.
Ir-rapport jinnota t-titjib li sar fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna tul l-aħħar snin, li wassal biex naqqset ir-rata tal-imwiet minħabba affarijiet li jistgħu jiġu mfejqa, fosthom mard tal-qalb u ċertu tipi ta’ kanċer.
Ir-rapport jelenka wkoll iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern fis-settur tas-saħħa, li wasslet biex jittieħdu diversi miżuri innovattivi fis-settur, bħall-introduzzjoni tar-robotika waqt l-operazzjonijiet.
Ġiet innotata wkoll iż-żieda fir-riżors uman f’numru ta’ setturi tas-saħħa, bħal tobba u infermiera. Dan fost l-oħrajn b’riformi fl-edukazzjoni, żieda fl-opportunitajiet ta’ studju, u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dan ir-rapport jikkonferma statistiċi Ewropej li raw titjib fir-rata ta’ fejqan ta’ persuni morda bil-kanċer, b’mod partikolari kanċer tas-sider.
Bħalma hi f’numru ta’ pajjiżi oħra, l-obesità hija sfida ewlenija ANKI f’Malta; b’pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ obesità Ewropea. Fil-fatt, aktar minn kwart tal-adulti f’Malta, u terz taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena, huma obeżi.
Fatturi oħra ta’ tħassib huma l-konsum tal-alkoħol – li qed jiżdied fost iż-żgħażagħ għalkemm huwa inqas mill-medja Ewropea, u r-rata ta’ tipjip, li hija kemmxejn ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport Ewropew sab ukoll li n-nuqqas ta’ teħid ta’ tilqim hija sfida fl-Ewropa kollha, li tista’ tiġi indirizzata b’aktar għarfien, u informazzjoni mingħand il-professjonisti tas-saħħa.