Malta rnexxielha tavvanza żewġ postijiet fl-indiċi tal-prosperità Legatum u ġiet ikklassfikata fit-22 post minn 149 pajjiż.
L-indiċi jsir kull sena mill-Istitut indipendenti Legatum, li wera li Malta telgħet 5 postijiet mill-2006 sal-lum.
Din il-klassifikazzjoni hija msejsa fuq disa’ kriterji bħall-Kwalità Ekonomika, l-Ambjent tax-Xogħol u Negozji, il-Governanza, l-Edukazzjoni, is-Saħħa, is-Sigurtà, il-Libertajiet Ċivili, il-Kapital Soċjali, u l-Ambjent.
L-iktar oqsma li Malta bbrillat fihom kienu s-Sigurtà u l-Kapital Soċjali b’Malta ġiet fis-seba’ post minn 149 pajjiż.
Fil-Kapital Soċjali, Malta kisbet kważi 64 punt, u rnexxielha tgħaddi lill-Istati Uniti, li jinsabu fid-disa’ post u lir-Renju Unit, li jinsabu fis-16-il post. L-Awstralja hu meqjus l-aqwa pajjiż f’dan is-settur, b’żewġ punti u nofs biss iktar minn Malta.
Fis-settur tas-Sigurtà, Malta rnexxielha tikseb 84 punt. Skont l-indiċi, l-iktar pajjiż sigur fid-dinja huwa Singapore, bi 88 punt, erba’ punti biss aktar minn pajjiżna. Għal darb’oħra, Malta rnexxielha tgħaddi lir-Renju Unit u lill-Istati Uniti f’dan il-qasam, li jinsabu fis-17 u s-60 post rispettivament. Dan ir-riżultat ikompli jġib fix-xejn l-allegazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li f’Malta, in-nies jinsabu mwerwrin joħorġu minn darhom.
Malta klassfikat ukoll mal-ewwel pajjiżi fid-dinja fl-oqsma tal-Libertaijiet Ċivili. Hawn, pajjiżna kiseb kważi 87 punt, u jinsab fit-13-il post.
Pajjiżna jinsab fl-24 post fejn tidħol Governanza bi kważi 68 punt.
L-ikbar avvanz li għamlet Malta kienet fis-settur tax-Xogħol u Negozji, fejn f’sena biss, telgħet 18-il post fil-lista. Hawnhekk Malta ġiet klassifikata fil-55 post.
It-tkabbir ekonomiku li Malta esperjenzat fl-aħħar snin kien innutat mir-riċerkaturi tal-indiċi tal-prosperità tant li qed tħabbata ma’ pajjiżi dinamiċi u tinsab fit-30 post minn 149 f’dan is-settur, fejn irnexxielha tikseb kważi 70 punt.
Fl-indiċi Malta kklassfikat fit-23 post fil-qasam tas-Saħħa u fis-36 post fil-qasam edukattiv. Jidher li l-ikbar sfida ta’ Malta huwa s-settur tal-ambjent, fejn ninsabu fis-76 post b’aktar minn 61 punt.