Ilbieraħ intlagħbet l-ewwel ġurnata tat-Tazza Ewropea tad-Darts organizzata mill-World Darts Federation fejn kienu fl-azzjoni t-timijiet Maltin tal-irġiel u tan-nisa.
It-tim tal-irġiel magħmul minn Jonathan Bilocca, Albert Scerri, Tony Borg u Kirsten Aquilina, tilfu l-logħbiet li lagħbu kontra l-Gżejjer Faroe 9-3, is-Slovakkja 9-2, l-Iskozja 9-2 u r-Rumanija 9-5.
Mill-banda l-oħra, it-tim femminili magħmul minn Liliana Abela, Audrey Gauci, Josianne Caruana u Marconia Zammit Borg kważi wettaq rimonta kontra l-Italja meta kienu qed jitilfu 7-0 u ġabu l-iskor 7-7. Eventwalment it-Taljani reġgħu kisbu l-konċentrazzjoni sabiex rebħu 9-7. Aktar qabel il-Maltin tilfu bl-iskor identiku ta’ 9-0 kontra l-Latvja u l-Ingilterra.
Illum tkompli d-WDF Europe Cup fejn jintlagħbu l-kompetizzjonijiet individwali u d-doubles.