Il-Malti huwa l-aktar poplu li għandu fiduċja fil-Gvern fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-ħarifa li juri li filwaqt li l-medja Ewropea marbuta mal-fiduċja tal-Gvern hija dik ta’ ħamsa u tletin fil-mija, dik Maltija hija ta’ tlieta u sittin fil-mija. Ir-rapport juri wkoll li dawk li għandhom fiduċja fil-Gvern żdiedu bi tnax fil-mija meta mqabbel mal-istħarriġ li sar fir-Rebbiegħa.
Ir-rapport innota wkoll kif ħamsa u disgħin fil-mija tal-Maltin qed jgħidu li l-ekonomija ta’ pajjiżna tinsab miexja fit-triq it-tajba. Dan ir-riżultat ferm pożittiv poġġa lil pajjiżna fil-quċċata tal-istatistika bil-Greċja tikklassifika fl-aħħar post b’sitta fil-mija.
Il-ħidma tal-Gvern fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet indipendenti rat żieda wkoll fil-fiduċja fil-konfront tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dan kompla jxejjen l-attakk inġust tal-Partit Nazzjonalista u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fil-kummenti dispreġjattivi lejn dawn istituzzjonijiet tant importanti għal pajjiżna. Il-Korp tal-Pulizija ra żieda ta’ ħmistax fil-mija fil-fiduċja meta mqabbel mar-rapport preċedenti. Is-sistema ġudizjarja wkoll rat żieda notevoli ta’ 9% fil-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Joħroġ ukoll kif sitta u tmenin fil-mija tal-Maltin għandhom fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika, tmintax fil-mija aktar mill-medja Ewropea. Filwaqt li sitta u għoxrin fil-mija tal-Maltin qed iħossu li s-sitwazzjoni finanzjarja fid-dar tagħhom hija tajba.
Malta kisbet ukoll rati tajbin ħafna fis-settur tal-impjiegi b’ erbgħa u disgħin fil-mija jgħidu li sejrin tajjeb fl-impjieg tagħhom.
Intant, il-Prim Ministru laqa’ dawn ir-riżultati ottimisti għal pajjiżna fejn permezz ta’ tweet qal li jinsab aktar konvint li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.