Il-livell ta’ fiduċja preżenti fil-Gvern, hu l-aqwa li qatt ġie osservat minn fost kull stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea dsatax-il sena ilu.
Dan joħroġ f’analiżi li għamlet il-gazzetta KullĦadd, li rat kull stħarriġ ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea sa mill-elfejn u erbgħa, li jsir darbtejn fis-sena; darba fis-sajf u darba fix-xitwa.
L-aktar stħarriġ tal-Ewrobarometru riċenti għall-ewwel xahrejn tas-sena, ippubblikat ftit tal-jiem ilu, jikkonferma kif f’pajjiżna hawn livell qawwi ta’ ottimiżmu u fiduċja, minkejja l-isfidi kbar internazzjonali.
Fil-fatt, dan l-istħarriġ sab kif tlieta u sittin fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin jafdaw fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan il-livell ta’ fiduċja huwa kważi d-doppju tal-medja Ewropea, u ferm aħjar meta mqabbel mal-kriżi finanzjarja ferm iżgħar li kien affaċċja l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u tlettax.
Tant hu hekk, li f’Novembru tal-elfejn u ħdax, l-amministrazzjoni GonziPN kienet irreġistrat l-inqas livell ta’ fiduċja fl-istorja, ta’ sebgħa u għoxrin fil-mija, mill-elfejn u erbgħa sal-lum.
Fl-analiżi tal-KullĦadd joħroġ kif f’kull Ewrobarometru ppubblikat fl-aħħar żewġ deċenji, il-fiduċja preżenti fil-Gvern hi l-aqwa li qatt ġiet osservata u baqgħet kostanti fl-aħħar żewġ rapporti Ewropej.
F’dan l-aħħar stħarriġ, tlieta u disgħin fil-mija tal-Maltin u Għawdxin qalu li huma kuntenti bil-miżuri li ħa l-Gvern biex jilqa’ għall-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Sebgħin fil-mija qalu li huma sodisfatti bil-mod kif il-Gvern qed jirreaġixxi għall-gwerra fl-Ukrajna. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, dan huwa ferm iktar mill-medja Ewropea.
Tliet kwarti tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna hija tajba, u l-ottimiżmu ekonomiku f’Malta reġa’ lura għal dak li kien qabel il-pandemija, b’differenza għal dak li qed jinħass fl-Ewropa.
Dawn ir-riżultati tal-Ewrobarometru jikkonfermaw is-sens ta’ fiduċja fost il-familji f’pajjiżna, li, minkejja l-isfidi internazzjonali, jinsabu f’qagħda finanzjarja ħafna aħjar minn dik ta’ familji oħra madwar l-Ewropa.
Bl-istess mod, il-Maltin u l-Għawdxin għandhom l-akbar maġġoranzi fl-Unjoni Ewropea li ddikjaraw li l-ħajja personali tagħhom tinsab fit-triq it-tajba, u qed jistennew li se tkompli titjieb.