Il-Maltin għandhom l-akbar ċans li jsibu impjieg mill-ewwel wara li jtemmu l-istudji tagħhom fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u lil hinn.
Xehdet dan statistika mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat u li ġiet kkwotata fil-gazzetta KullĦadd.
Fil-fatt, din l-istatistika tpoġġi lil Malta fuq il-quċċata ta’ lista ta’ 35 pajjiż u li tinkludi ġganti bħall-Ġermanja, in-Norveġja, l-Awstrija u l-Iżvizzera.
Fl-artiklu tagħha, il-KullĦadd qalet li Malta tinsab fl-ewwel post b’93.4% ċans li persuna ssib impjieg minnufih wara li tlesti l-iskola.
Fit-tieni post hemm il-Ġermanja b’92.7%.
Min-naħa l-oħra hemm il-Maċedonja ta’ Fuq, li qed tittama li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fil-grupp li jmiss ta’ pajjiżi.
F’dan ir-rigward, din għandha l-agħar riżultat hekk kif kisbet punteġġ ta’ 57.2% ċans li jinstab impjieg wara li wieħed itemm il-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Issegwi l-Maċedonja ta’ Fuq hemm it-Turkija b’57.8%.
Intant f’nofs il-klassifika hemm pajjiżi bħal Franza fejn iċ-ċittadini tagħha li jkunu għadhom kif temmew l-iskola, għandhom inqas minn 76% ċans li jsibu impjieg mill-ewwel.
Peress li l-istatistika tal-Eurostat tinħadem fuq it-tliet snin ta’ qabel li persuna tkun temmet l-istudji tagħha, imqar f’livell edukattiv sekondarju, l-effetti tal-pandemija għad iridu jiġu kkalkulati aħjar.
Minkejja dan, bir-riżultati pożittivi kollha li nkisbu f’pajjiżna fl-aħħar sena fl-oqsma tas-saħħa u x-xogħol, grazzi għall-miżuri bla preċedent li ġew introdotti mill-Gvern, pajjiżna aktarx ikompli jtejjeb din il-prestazzjoni.
Dwar din l-istatistika impressjonanti għal Malta, kumpanija bbażata f’Oxford Street, Londra, u li tinkludi għadd ta’ prattiċi multidixxiplinarji bħal dawk ta’ konsulenti u aġenti tal-proprjetà, qalet li dawn ir-riżultati jixhdu sistemi edukattivi impressjonanti u t-tkabbir fil-ħolqien tal-impjiegi li kien hemm fl-aħħar snin f’dawn il-pajjiżi.