Kien ippubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru li wera kif il-familji Maltin għandhom fiduċja b’saħħitha fil-Gvern.
Ferm iktar milli għandhom ċittadini f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-istħarriġ jindika li 51% tal-poplu jafdaw fil-Gvern, kontra 34% fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, fl-2013, il-fiduċja fil-Gvern kienet tlaħħaq l-34% biss. Barra minn hekk il-proporzjon ta’ Maltin u Għawdxin li ma jafdawx il-Gvern huwa t-tielet l-anqas madwar l-Unjoni Ewropea.
B’kuntrast l-Ewrobarometru jindika li l-fiduċja tal-poplu fil-gazzetti naqset għal 28% biss, l-anqas livell ta’ fiduċja wara dak fl-Ingilterra.
Barra minn hekk Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn il-maġġoranza ta’ dawk intervistati jemmnu li l-pajjiż sejjer f’direzzjoni tajba. 39% ta’ dawk intervistati sostnew li jemmnu li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin fid-direzzjoni t-tajba, b’kuntrast għar-rata medja ta’ 31% madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Ta’ min jinnota li kienu 29% biss ta’ dawk intervistati li sostnew li l-pajjiż sejjer f’direzzjoni ħażina.
F’Novembru 2012 dan il-proporzjon kien ta’ 46%. Madwar l-Unjoni Ewropea 56% iħossu li l-affarijiet sejrin f’direzzjoni ħażina.
81% ta’ dawk intervistati f’Malta qallu li l-ekonomija sejra tajjeb, kontra 47% madwar l-Unjonoi Ewropea. L-ottimiżmu ekonomiku li hawn f’pajjiżna huwa kważi d-doppju ta’ dak fl-istħarriġ li kien sar qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013.
Aktar min-nofs il-Maltin intervistati dakinhar kienu jħossu li l-ekonomija sejra ħażin. Illum dan il-proporzjon naqas għal 12% biss. Dan meta fl-Unjoni Ewropea bħalissa 50% jħossu li l-ekonomija sejra ħażin.
82% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, filwaqt li 77% tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb.
Barra minn hekk, 19% ta’ dawk intervistati sostnew li jistennew li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna ser teħżien fis-sena li gejja, kontra 27% li sostnew hekk madwar l-Unjoni Ewropea.
Mentri fl-2012 kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 4%.
Filwaqt li fl-2012, 24% ta’ dawk intervistati kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali dan it-tħassib telaq kompletament.
F’pajjiżna bħalissa hawn l-anqas rata ta’ biża’ fuq il-qgħad fost il-familji madwar l-Unjoni Ewropea.
Ir-riżultati tal-Ewrobarometru juru ottimiżmu u fiduċja fost il-familji f’pajjiżna. Il-qagħda ekonomika, li tinkwieta ħafna lill-familji madwar l-Ewropa, ma hija ta’ ebda nkwiet għall-familji Maltin u Għawdxin.