93% tal-poplu Malti u Għawdxi iħaddan il-fidi kattolika. Minkejja li din għadha waħda b’saħħitha, jidher li kwazi 64% tal-pubbliku jattendi għal quddies. Dan ġie żvelat mill-istħarriġ li sar mill-Malta Today fejn wera li minkejja li din iċ-ċelebrazzjoni hija waħda obbligatorja, jidher li ma tantx hi daqshekk popolari fost iż-żgħażagħ li għandhom bejn it-18 u l-35 sena. Dan hekk kif l-istess istħarriġ juri li 54% taż-żgħażagħ m’ attendewx għal quddies li saret il-ġimgħa ta’ qabel li seħħ dan l- istħarriġ.
L-istess ma jistax jingħad għal Għawdex. Dan hekk kif 81% tal-Għawdxin jattendu għall-quddies. Minkejja li n-nuqqas fl-attendenza għall-quddies ġiet innotata fil-lokalitajiet kollha madwar Malta, jidher li dan in-nuqqas jispikka l-aktar fin-nofsinhar ta’ Malta.
Għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri fil-passat, illum il-ġurnata jidher li l-qrar naqqas fil-popolarita’ tiegħu.
Mill-kattoliċi Maltin li jattendu għall-quddies, huma biss 30% li jipprattikaw dan is-sagrament li huwa popolari l-aktar ma’ nies li għandhom ‘il fuq minn ħamsa u sittin sena.
Dan tal-aħħar, lanqas ma jista’ jingħad għal Għawdex – hekk kif il-gżira ta’ tlett għoljiet irreġistrat l-għola rata ta’ persuni li jiffrekkwentaw dan is-sagrament – b’total li jlaħħaq mal-kważi l-erbgħin fil-mija.
Intant, l-istess istħarriġ juri li wieħed u disgħin fil-mija tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Papa Franġisku bi kważi tnejn u tmenin fil-mija jkunu żgħażagħ u tmienja u disgħin fil-mija mit-total ikunu laħqu stadju avvanzat f’ħajjiethom.
Min-naħa l-oħra, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna għandu l-fiduċja ta’ 65% tal-poplu Malti filwaqt li 77% tal-Għawdxin jafdaw fl-Isqof Mario Grech.