Il-Malti jħobb żaqqu u ta’ kuljum ifittex biex jiekol dik ix-xi ħaġa ħelwa.
Fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Marzu n-nies donnhom jinsew is-sawm tar-Randan għax għajnejhom tmur mal-ewwel fuq il-famużi Żeppoli ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
Bdewhom il-furnara u dulċiera fit-toroq ta’ Napli, iż-Żeppoli huma l-aktar popolari fl-Italja, Sqallija, Malta u f’komunitajiet Taljani fil-Kanada u l-Amerika.
Propju f’jum San Ġużepp dan l-istazzjon iltaqa’ mad-Dulċer Malti Paul Charles Buttigieg Tanti, li spjega kif minn sena għall-oħra iż-żeppoli u l-isfineġ qed jiġu mfitxxija aktar mill-Maltin u l-Għawdxin.
“Id-domanda tagħhom din is-sena kibret, social media kibret ukoll allura kulħadd ried iduqhom. Barra minn hekk nużaw irkotta u nġibuha minn Sqallija tan-nagħaġ allura dik it-togħma tal-irkotta toħroġ aktar.”
Spjega wkoll li ż-żeppoli jippreferi jaħmihom milli jaqlihom fiż-żejt.
“Aħna nagħżlu li nagħmluhom u nsajruhom fil-forn milli naqluhom, illum kulħadd konxju tas-saħħa u l-isfineġ taż-żejt tajba tikolha dak il-ħin mhux wara għax tassorbi wisq żejt.
Buttigieg Tanti tenna li maż-żmien id-dulċiera Maltin bdew jagħmlu ż-żeppola unika tagħhom, biex b’hekk issa saret waħda mid-deżerti tradizzjonali ta’ pajjiżna li nassoċjawha mal-festa tal-Missier Putativ ta’ Ġesu, San Ġużepp.