Żgur li nies ta’ ċerta età jiftakru sew lill-kantant Malti li għamel isem barra minn xtutna Oreste Kirkop.
Oreste Kirkop twieled il-Ħamrun nhar is-26 ta’ Lulju tas-sena 1923. Kirkop beda jirrealizza l-kapċitajiet tiegħu fil-vuċi waqt li kien ikanta fix-xelters waqt iż-żmien ta’ gwerra. Għamel id-debut tiegħu fi Frar tal-1945 fir-Radio City Opera House fil-Ħamrun. Sentejn wara ltaqa’ mal-Baritonu Joseph Satariano li ħeġġu jmur ikompli l-karriera tiegħu fl-Ingilterra.
Fl-1950 mexa lejn l-Ingilterra u mill-ewwel ingħata rwolijiet prinċipali f’xogħolijiet mużikali kbar. Deher fuq BBC TV fl-irwol ta’ Canio f’Pagliacci. Minn hemm mexa għal Covent Garden fejn wasslu għall-irwol li sploda l-fama tiegħu permezz ta’ kuntatt ma’ Paramount Pictures fejn interpreta l-parti ta’ Francois Villon fil-film The Vagabond King. Dan il-film ħareg fl-1956.
Minħabba problema ta’ saħħa kellu jirtira fl-età żgħira ta’ 37 sena. Hemm min isostni wkoll li waqaf minħabba li martu ma riditx titlaq minn Malta. Oreste Kirkop huwa isem li jibqa’ għal qalb il-Maltin anke minħabba l-fatt li kien Malti li emmen u wasal fejn xtaq. Kważi kważi tista’ tgħid li wasal sal-quċċata f’post fejn illum bil-kuntatti kollha li jeżistu, ukoll jista’ jkun diffiċli; dak li ħadem ma’ Paramount Pictures.