Tano Farrugia, Malti li qiegħed jixhed fil-ġuri ta’ Ahmed El Fadalli Enan mixli b’kompliċità biex tiddaħħal f’Malta 50 kilogramma raża tal-kannabis sostna li meta ġie arrestat fit-Tuneżija, il-Pulizija tawh xebgħa kbira.
Farrugia kien arrestat f’lukanda b’rabta ma’ pjan li fih allegatament kien involut Enan biex jiġu importati 100 kilogramma raża tal-kannabis mit-Tuneżija għal Malta permezz ta’ dgħajsa.
Huwa ġie kkundannat 20 sena ħabs iżda ingħata amnestija fi żmien li nħatar Gvern temporanju Tuneżin wara r-rivoluzzjoni fil-pajjiż.
Fix-xhieda tiegħu Farrugia qal kif kellu ħanut li ma kienx qed imur tajjeb u kien hawnhekk fejn Karl Pace laqqgħu ma’ Enan, b’dan tal-aħħar wegħdu ħmistax-il elf ewro jekk jagħmel ċert li l-mitt kilogramma kannabis tidħol f’Malta.
Farrugia qal kif mis-somma msemmija ħa biss erba’ mitt ewro sabiex wasal it-Tuneżija.
Xehed ukoll ħu Tano, Robert Farrugia, li qal kif ma kienx jaf li ħuh ġie arrestat it-Tuneżija u ħuhom l-ieħor, Adrian kien f’kuntatt mal-Eġizzjan.
B’dan tal-aħħar kien l-ewwel xhud u qal li l-akkużat kien spjegalu r-rotta li se tieħu d-droga biex tasal mill-Afrika ta’ Fuq għal Malta.