Il-midja Amerikana segwiet mill-qrib l-iżviluppi b’rabta mal-arrest ta’ żewġ persuni, Malti ta’ 27 sena u Niġerjan, li allegatament huma involuti fil-bejgħ illegali ta’ malware fuq id-Darkweb.
Nhar il-Ġimgħa tħabbar li, f’kollaborazzjoni mal-FBI Amerikana, il-Pulizija Maltija arrestat lil Daniel Meli ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar u akkużatu li kien involut fil-bejgħ ta’ għodda ċibernetika li tintuża għal hacking.
Midja Amerikana żvelat ukoll li allegatament il-Malti biegħ il-malware lil uffiċjal undercover tal-istess FBI għas-somma ta’ mija u tmenin dollaru Amerikan bil-crypto currency.
Skont is-CNN, il-Malti qed jiġi rappreżentat mill-Avukat u Deputat Joe Giglio, li iżda baqa’ ma weġibx għall-mistoqsijiet tagħhom.
Ġie rrapportat ukoll li l-awtoritajiet Niġerjani arrestaw raġel ta’ 31 sena, bl-isem ta’ Prince Onyeoziri Odinakachi, li skont id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan allegatament iffaċilita l-bejgħ tas-software użat fil-hacking, magħruf ukoll bħala Warzone RAT.
Assistent direttur tal-FBI f’operazzjonijiet ċibernetiċi, Brett Leatherman, stqarr mas-CNN li mill-inqas 7,000 klijent Amerikan xtraw is-software illegali, waqt li xi gvernijiet barranin ukoll użawh f’operazzjonijiet illeċti.
L-Istati Uniti qed tinsisti li Meli u Odinakachi jiġu estraditi lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċjaw il-ġustizzja hemmhekk.
ARA IKTAR: