Il-maltemp li ħakem lill-gżejjer Maltin fil-31 ta’ Marzu tal-1979 żgur li jibqa’ mnaqqax f’moħħ dawk il-bosta Maltin u Għawdxin li dakinhar inġabru bi ħġarhom madwar il-monument tal-Ħelsien, fil-Birgu, biex jiċċelebraw il-ħelsien mill-ħakma ta’ sekli sħaħ mill-barrani fuq pajjiżna.
Nettu Farrugia, attivist veteran tal-Partit Laburista, kien fost il-folla meta dakinhar, il-Perit Duminku Mintoff tela’ t-trejqa mħarbta tal-monument, simbolu li jfakkar fil-mixja iebsa li pajjiżna u niesu kellhom jimxu, u permezz tat-torċa kebbes in-nar fil-kaldarun: biex qatt ma jintefa’ aktar f’qalb in-nies – mument li baqa’ markat bħala t-twelid ta’ Malta Ħielsa.
“Tibqa’ memorja l-maltemp li kien. Il-maltemp kien sinifikattiv. Kważi, fis-sens li konna se naqilbu paġna ġdida. Filli konna niddependu mill-ħniena tal-Gvern Ingliż, filli issa, minn dakinhar ’il quddiem, konna se nieħdu rajna f’idejna.”
Huwa spjegalna kif kienet ir-rieda assoluta tal-gvern Malti mmexxi mill-Perit Mintoff li wasslet għal dan il-mument storiku.
Is-sur Farrugia jemmen bis-sħiħ li l-attiviżmu politku kien kruċjali sabiex pajjiżna jikseb il-ħelsien mill-influwenza barranija u sostna li għandna nkomplu nagħfsu fuq l-importanza tal-attiviżmu politiku.
“Iva, l-attiviżmu politiku huwa ferm importanti, u għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd li, ġurnata bħal għada, nikkomemorawha bis-sehem tagħna, bis-sehem attiv tagħna ”
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun preżenti għad-diskors li se jagħmel il-Ħamis filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela, f’Xatt ir-Risq, il-Birgu, biex titfakkar din il-ġurnata tant importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.