Minkejja ġurnata, partikolarment għodwa, ikkaratterizzata minn maltemp u temp li forsi ma jħajrekx biex toħrog, għal sena oħra ġiet organizzata l-attività Ġenna ta’ Ġonna fil-Furjana. Dawk preżenti setgħu jżuru diversi mkejjen f’din il-lokalità li s-soltu ma jkunux miftuħin għall-pubbliku.
Is-Sindku tal-Furjana, Davina Sammut Hili esprimiet is-sodisazzjon li minkejja t-temp mhux sabiħ, diversi attivitajiet saru xorta waħda:
“L-attività saret kif skedata minkejja l-maltemp, naqqasna ftit mill-attivitajiet li kellna fuq barra iżda ħallejna l-attivitajiet ta’ ġewwa sabiex il-pubbliku inġenerali, dak li jkun jrid iżur il-postijiet t’ interess bħal Kurja, il-Kripta tal-Kapuċċini, il-Knisja Arċipretali u affarijiet oħra li kellhom isiru fuq ġewwa baqgħu għaddejin kif prevvist”.
Dawk preżenti kellhom iċ-ċans li jduru diversi postijiet bħar-refettorju fil-Kurja Arċiveskovili li fiha sett ta’ pitturi li jagħtu l-ħajja lil diversi ġrajjiet li nsibu fil-Bibbja, kif ukoll wirja statika ta’ diversi tipi ta’ tajr.
Mingħajr dubju dawk preżenti għal din l-attività setgħu għal ftit ħin jirrilassaw qabel ġimgħa ta’ xogħol u fl-istess ħin jaraw xi ftit l-attivitajiet li joffru d-diversi għaqdiet u s-soċjetajiet Furjaniżi.