It-tbassir tal-Uffiċju Meterjoloġiku kien tajjeb, dik li lbieraħ filgħaxija tagħmel ix-xita. Tbassir li ħoloq tensjoni fost id-dilettanti tal-Karnival, hekk kif mhux l-ewwel darba li x-xita qliel u l-maltemp ikkawża ħsarat kbar fuq karrijiet li x-xogħol fuqhom ikun ilu għaddej sena sħiħa.
Iżda fil-kummenti tiegħu ma’ one.com.mt id-Direttur artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, spjegalna li b’xorti tajba x-xita ma ħassritx festi hekk kif il-briju baqa’ għaddej u kien biss l-aħħar karru li ddaħħal fix-xita, iżda ma saritlu ebda ħsara.
Dalgħodu ukoll qomna bil-ħoss tax-xita u għalhekk saqsejna jekk il-programm tal-Karnival għall-jum tat-Tnejn hux se jibqa’ l-istess kif kien pjanat, id-Direttur artistiku wieġeb li l-programm se jibqa’ l-istess hekk kif jidher li x-xita mhux ser iżżid.
Fuq is-sit soċjali facebook huwa kellu messaġġ ta’ ringrazzjament għall-parteċipanti kollha tal-koperazzjoni tagħhom tul dawn il-jiem, li fi kliemu għamlu “Karnival kbir.” Parteċipanti li joffru l-ħin tagħhom biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ kuluri li mhux biss inissel tbissem fuq fomm it-tfal iżda jassigura li anke l-adulti jitpaxxew bis-sbuħija ta’ dak li jkun organizzat.