Il-grupp ta’ studenti li jirfsu kemm-il darba l-għatba tad-Dar Ċentrali u li qed jippjanaw li jimmanipulaw id-dibattitu li se jsir bejn il-mexxejja tal-Partiti għada fl-Università kienu jafu bid-dibattitu sigħat qabel qabel l-organizatturi ħabbru li dan se jkun qed isir.
Il-MaltaToday ippubblikat konverżazzjonijiet li oriġinarjament ħareġ is-sit tal-Università, Insite, li jikkonfermaw li dawn l-istudenti kienu qed jipprovaw jimmanipulaw id-dibattitu tal-Erbgħa billi jġibu kemm jistgħu studenti li jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista.
Il-konverżazzjoni fuq facebook bdiet fid-9.15, u l-konverżazzjoni tindika li d-data li fiha saru jafu li se jsir id-dibattitu kienet id-9 ta’ Mejju. Dan minħabba r-referenza li filgħaxija kien se jkun hemm attività tal-Partit Nazzjonalista li saret propju f’din id-data.
Dan ifisser li dawn l-istudenti kienu jafu d-dettalji tad-dibattitu disà sigħat qabel it-Third Eye, grupp tal-istudenti tal-midja li qed jorganizza d-dibattitu, ippubblikaw l-avveniment fuq facebook biex jarawh l-istudenti kollha.
Iżda minkejja dan, is-Segretarju Ġenerali tat-Third Eye, Russull Attard Baldacchino qal fuq is-sit soċjali facebook li ebda informazzjoni rigward id-dibattitu ma kienet inħarġet qabel sar l-event fuq facebook.
Dawn l-istudenti kienu qed jimmirraw li jimmanipulaw id-dibattitu tal-Università billi jdaħħlu 600 student li jissimpattizzaw mal-Partit Nazzjonalista u 200 biss li jissimpattizzaw mal-Partit Laburista. B’kumment minnhom f’din il-konverżazzjoni jgħid “Għandna bżonn 800 persuna tkun preżenti. Ibdew żiedu dawk li intom ċerti minnhom.”
Student ieħor iżid li se jkun qed ikellem lill-Guru, b’referenza għal Mark Grech li llum huwa President tal-MŻPN, jiġifieri il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista. Fil-konverżazzjoni ntqal ukoll li l-istudenti għandhom jistaqsu mistoqsijiet li fi kliemhom se jpoġġu lill-Prim Ministru dahru mal-ħajt.
Iżda dan m’huwiex l-unika pjan tal-partitarji Nazzjonalisti kif kxifna diġà dwar id-dibattitu. Fost oħrajn iridu jiksru s-saqajn u qalu li għandhom il-“hate”.
Il-MaltaToday ikkonfermat li f’din il-konverżazzjoni hemm persuni li huma fl-Eżekuttiv tal-SDM, fosthom il-President tal-istess għaqda, Gabriel Micallef.