Il-gazzetta Maltatoday qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa ‘unfit for purpose.’
Hija qalet dan fl-editorjal tagħha fil-ħarġa tal-Ħadd, b’reazzjoni għad-diskors ta’ Grech fil-Parlament waqt li kienet qed tiġi diskussa l-emenda proposta fil-kodiċi kriminali biex jiġu protetti l-mara u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ komplikazzjoni fit-tqala li tpoġġi f’periklu ħajjet jew saħħet il-mara.
Wara li saħansitra t-Times, qalet li Bernard Grech għandu jitlob apoloġija għad-diskors insensittiv lejn in-nisa li għamel l-Erbgħa fil-Parlament, il-Maltatoday qalet li d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien vojt, krudili u li jiddiżrispetta n-nisa.
L-editur tal-Maltatoday sostna wkoll li l-mod ta’ kif Grech ipprova jiżżufjetta b’kunjom Andrea Prudente, kienet tattika tal-mistħija biex jipprova jirbaħ argument akkost ta’ mara vulnerabbli.
Fil-fatt, l-istess editur itemm jgħid li Kap tal-Oppożizzjoni li ma jsibx problema jirredikola mara b’dan il-mod, huwa ‘unfit for purpose.’
Intant, l-istess sentiment kien rifless mill-editur tat-Torċa hekk kif iddeskriva d-diskors ta’ Grech bħala wieħed li baqa’ jikxef l-istess “attitudni u aġir ta’ min ilu s-snin jaħseb li jista’ jiddetta hu biss, anki jekk quddiem ġudizzju tal-poplu baqa’ l-art. “
L-editur tat-Torċa nnota wkoll kif kelliema min-naħa tal-Oppożizzjoni tul id-diskussjoni parlamentari ma bdewx jaqblu bejniethom, b’kuntrarju għad-Deputati tan-naħa tal-Gvern li ressqu argumenti sensibbli biex tiġi protetta ħajjet u saħħet l-omm, iżda mhux biss. Dan hekk kif ġie rimarkat li l-emenda se tidħol biex il-professjonist li jintervjeni f’ġieħ saħħet u ħajjet l-omm u l-omm innifisha jkollhom serħan il-moħħ li mhux se jgħaddu minn proċeduri kriminali.
Din il-kritika qalila fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni tkompli ma’ oħrajn fl-aħħar jiem, fosthom minn ġurnalisti, akkademiċi, opinjonisti, professjonisti u entitajiet differenti.
Fost oħrajn il-Moviment Graffiti talab lil Bernard Grech jirreżenja minnufih u qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jitlob maħfra pubblika lil Andrea Prudente.
B’reazzjoni għad-diskors ta’ Grech, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) appellat għal aktar sensittività mill-atturi soċjali u politiċi kollha meta tiġi diskussa l-emenda proposta tal-kodiċi kriminali.
Dan filwaqt li l-Malta Women’s Lobby, qalet li d-diskors li għamel fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu effett li jkexkex u mhux aċċettabbli.