Fis-sena finanzjarja sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, il-kumpanija MaltaPost irreġistrat dħul ta’ sebgħa u tletin punt disgħa miljun ewro.
Ammont li jfisser żieda ta’ ħdax punt tlieta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, jiġifieri dak tal-elfejn u għoxrin meta l-kumpanija ħadet daqqa minħabba l-effetti tal-pandemija.
Id-dħul mill-posta kien l-akbar sors għal din il-kumpanija fis-sena finanzjarja li għaddiet, fejn dan ammonta għal sebgħa u tmenin fil-mija tad-dħul kollu.
Dħul ieħor kien mill-iskemi finanzjarji b’rabta mal-COVID-19 li ammonta żero punt sebgħa u tletin miljun ewro.
L-ispejjeż b’rabta mal-operat tal-kumpanija żdiedu b’tnax punt disgħa fil-mija jew ħamsa u tletin punt tmien miljun ewro.
Dan hekk kif anke għolew it-tariffi internazzjonali li l-MaltaPost kellha tħallas lill-operaturi oħra, spejjeż relatati ma’ merkanzija mibgħuta bl-ajru u s-salarji tal-ħaddiema.
Kawża ta’ dan, il-kumpanija s-sena li għaddiet irreġistrat profitt mill-operat ta’ tnejn punt tmienja u erbgħin miljun ewro, li jfisser nuqqas ta’ tnax punt sebgħa fil-mija, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Intant il-MaltaPost rreġistrat tnejn punt ħamsa u tletin miljun ewro fi profitt ta’ qabel it-taxxa.
Bit-taxxa imbagħad, li ammontat għal punt ħamsa u disgħin miljun ewro, il-MaltaPost rat profitt nett ta’ wieħed punt erbgħa miljun ewro.
Skont ċifri mill-MaltaPost, l-assi tagħha żdiedu b’ħamsa punt sitt miljun ewro, fejn issa dawn jammontaw għal tnejn u ħamsin punt tnejn miljun ewro.
Dan anke wara li l-kumpanija kompliet tinvesti f’binijiet differenti madwar il-pajjiż, biex b’hekk tkun tista’ toffri servizz aħjar lill-klijenti tagħha.
F’Malta u f’Għawdex, il-MaltaPost għandha sitt ċentri, tnejn u erbgħin uffiċċju, u sitta u għoxrin uffiċċju li jintużaw għal skopijiet ta’ posta.