Waqt l-aħħar żjara uffiċjali tiegħu bħala President tar-Repubblika, Dr George Vella żar bosta esebizzjonijiet u installazzjonijiet fil-padiljun prinċipali bħala parti mill-maltabiennale.art b’riflessjoni fuq it-tema ċentrali “baħar abjad, imsaġar taż-żebbuġ.”
Matul iż-żjara tiegħu, Dr Vella kien akkumpanjat mill-President tal-maltabiennale.art, Mario Cutajar, u d-Direttriċi Artistika, Sofia Baldi Pighi, li qasmu miegħu informazzjoni dwar l-artisti li qed jipparteċipaw, u x-xogħlijiet kontemporanji tagħhom, filwaqt li spjegawlu kif dawn ix-xogħlijiet qed joffru perspettivi ġodda dwar il-wirt u l-identità ta’ Malta u l-Mediterran fi ħdan uħud mill-iktar siti storiċi tal-gżejjer tagħna.
F’kumment, il-President saħaq kemm f’Malta għandna nkunu kburin ħafna bl-istorja u bil-kultura rikka li ngawdu, u dan l-ewwel biennale qed iservi ta’ pjattaforma unika li permezz tagħha qed jiġu esebiti s-siti storiċi ewlenin Maltin mad-dinja kollha b’mod innovattiv.
Min-naħa tiegħu, Mario Cutajar stqarr li l-appoġġ tal-President kien kruċjali biex il-biennale jiġi rikonoxxut internazzjonalment. Hu esprima t-tama li dan il-biennale jkun l-ewwel minn edizzjonijiet oħrajn li jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni li toffri d-diversità fl-arti viżiva.