L-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art se jara t-trasformazzjoni ta’ wħud mis-siti storiċi l-aktar maħbubin tal-gżejjer Maltin, li se jinbidlu f’palk għal ħolqien ta’ espressjonijiet artistiċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet ingħataw id-dettalji ta’ dan il-festival internazzjonali tal-arti, li għall-ewwel darba se jsir f’Malta s-sena d-dieħla.
Dan il-festival prestiġjuż, li se jkun qed jattira eluf kbar ta’ viżitaturi u ġurnalisti minn kull naħa tad-dinja, se jkun qed isir f’pajjiżna bejn il-11 ta’ Marzu u tmiem Mejju tal-2024 u se jkun mifrux ma’ Malta u Għawdex, l-aktar fis-siti storiċi ta’ Heritage Malta.
Uħud minn dawn is-siti huma ddikjarati mill-UNESCO bħala Wirt ta’ Patrimonju Dinji, bħalma hi l-Belt Valletta u t-Tempji tal-Ġgantija f’Għawdex.
Il-maltabiennale.art għandu tema Mediterranja, bl-isem ‘Baħar Abjad – Imsaġar taż-Żebbuġ’, li fiha se jiġu ttrattati erba’ temi partikolari permezz tal-arti.
Fl-indirizz tiegħu, il-President tal-maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li b’dan il-festival se jingħata spazju lill-artisti biex jesprimu rwieħhom b’forom differenti ta’ arti.
“Din il-wirja tal-arti kontempornja, li rrid ngħid li qed tpoġġi lil Malta fix-xena internazzjonali kulturali, għall-ewwel darba qed nkunu fuq quddiem nett li nkunu qed norganizzaw din il-biennale li għandha rispons tajjeb ħafna meta inti tqis li għandek ’il fuq min elfejn u ħames mitt applikazzjoni.”
Mario Cutajar – President ta’ Maltabiennale.art
Il-President tal-maltabiennale.art żvela wkoll li l-pjan hu li dan l-avveniment jitkompla matul is-snin.
“L-artisti, bin-numru kbir li applikaw, irridu spazju fejn jgħidu tagħhom. Malta se tkun qed toffri spazju mhux issa biss, imma fl-edizzjonijiet li se jkollna fiż-żmien li ġej.”
Mario Cutajar – President ta’ Maltabiennale.art
Il-maltabiennale.art qed ikun organizzat minn Heritage Malta, permezz ta’ MUŻA, il-mużew nazzjonali tal-arti fil-komunità, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti u tal-entitajiet Malta Libraries u Valletta Cultural Agency, Spazju Kreattiv, VisitMalta u l-Ministeri għall-Affarijiet Barranin, għal Għawdex u għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.