“Il-Malta Vision 2050 se tkun waħda kuraġġuża u komprensiva, li tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ żminijietna.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif indirizza l-konferenza annwali tal-Ernest and Young f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru rrimarka l-importanza tat-tema tal-konferenza f’kuntest tar-realtajiet li għandu pajjiżna quddiem is-suċċess ekonomiku li rnexxielu jikseb fl-aħħar snin.
Fil-fatt, Dr Abela aċċenna għall-ekonomija reżiljenti li llum għandu pajjiżna anke quddiem sfidi bla preċedent li affaċċja pajjiżna fl-aħħar snin bħall-pandemija, u l-inflazzjoni partikolarment fis-settur tal-enerġija.
Sostna kif din ir-reżiljenza tidher f’setturi differenti li jvarjaw minn dak tat-turiżmu, li kiber sew fl-aħħar snin, għal dawk tal-manifattura u l-gaming.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif fl-2013, inqas min-nofs in-nisa Maltin u Għawdxin kienu jaħdmu, b’illum is-sitwazzjoni hija ferm differenti, tant li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla rati ta’ persuni fid-dinja tax-xogħol fl-Ewropa.
Madankollu kien hawn li l-Prim Ministru sostna li issa pajjiżna jrid jiffoka fuq prijoritajiet differenti hekk kif elenka tliet bidliet ewlenin li se jara li jwassal, fosthom kif l-investiment attirat lejn pajjiżna jkun ta’ valur miżjud u li jwassal għal impjiegi ta’ kwalità u mhux kwantità.
It-tieni bidla tiffoka fuq kif il-politika tax-xogħol f’pajjiżna tkompli tkun iddirezzjonata minn waħda li toħloq l-impjiegi għal waħda li żżid il-ħiliet tal-ħaddiema.
Intant, Dr Abela aċċenna li l-miri ekonomiċi ta’ pajjiżna jridu jinbidlu minn dawk iffukati biex jegħlbu l-bqija tal-Ewropa f’termini ta’ tkabbir ekonomiku għal dawk iffukati biex jagħmlu lil Malta fuq ta’ quddiem fir-reġjun f’termini ta’ tranżizzjoni diġitali u ħadra.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-Gvern qed jaħdem qatigħ biex jindirizza realtajiet emerġenti f’pajjiżna fosthom dwar investiment dirett barrani ta’ valur miżjud, politika ġdida dwar l-immigrazzjoni u miżuri fl-immedjat li jindirizzaw it-traffiku.
Dan filwaqt li sar progess fl-istudji biex jiġu sottomessi offerti għall-offshore windfarms.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li fil-Baġit għall-2025, dan il-Gvern se jkompli jiddiskuti mal-imsieħba soċjali biex jiġu implimentati l-bidliet għal viżjoni ċara, dik ta’ Malta reżiljenti u innovattiva.