Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, ġie spjegat li waqt emerġenza, 90% tal-ħajjiet jiġu salvati minn persuni li m’għandhom l-ebda taħriġ mediku. Għaldaqstant, bl-iżviluppi riċenti fir-rigward tal-pandemija, l-għaqda ħadet il-pass li tniedi mod innovattiv kif twassal taħriġ tal-ewwel għajnuna lill-pubbliku.
Fil-jum dinji ddedikat għas-Soċjetajiet tas-Salib u tal-Qamar l-Aħmar, il-Ministru għall-Intern kellu kliem ta’ tifħir għall-Malta Red Cross u spjega li ż-żewġ entitajiet ikkollaboraw fuq diversi proġetti.
“L-imxija tal-COVID-19 biddlet l-operat ta’ kulħadd iżda hu ta’ sodisfazzjon meta nara għaqdiet bħar-Red Cross li minflok qatgħu qalbhom f’dawn iċ-ċirkostanzi raw kif jagħmlu biex ikomplu jagħtu s-servizzi tagħhom,” tenna l-Ministru Camilleri.