Il-Malta Premier League għadha kif tħabbar li, flimkien mal-PBS, sar investiment sabiex titjieb l-esperjenza tat-telespettaturi li jsegwu l-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Malti, it-360Sports Malta Premier League, li se jibda’ l-ġimgħa d-dieħla.
Matul dawn l-aħħar snin, it-telespettaturi ressqu l-ilmenti tagħhom minħabba l-ippożizzjonar tal-camera prinċipali, fejn l-għidut kien li mhux qed tinqabad l-atmosfera li jkun hemm ġewwa l-iStadium Nazzjonali.
Dan l-investiment ġdid se jkun qed jistabilixxi angolu ġdid għall-camera min-naħa tal-Millennium Stand, biex b’hekk, telespettaturi se jkunu jistgħu jgawdu minn esperjenza aħjar.
Ġie installat ukoll studjo permanenti fil-Millennium Hall sabiex jiġu ssimplifikati l-produzzjonijiet f’jum il-logħba.
Din l-inizjattiva hija waħda minn bosta proġetti implimentati mill-Malta Premier League sabiex titjieb l-esperjenza tat-telespettatur.