Il-15-il edizzjoni tal-Malta Military Tattoo se ssir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha l-Forzi tal-Ordni Maltin spjegaw x’hemm lest għal min se jattendi.
Il-Korp tal-Pulizija se jagħti prestazzjoni permezz tal-Banda kif ukoll permezz tal-Precision Drill Team li hu l-uniku wieħed fl-Ewropa.
Il-Forzi Armati ta’ Malta se jagħtu prestazzjoni permezz tal-banda bis-sehem ta’ Olivia Lewis u tenur li hu membru tal-Forzi Armati ukoll. Din se tinkludi wkoll tislima lill-mibki Tony Camilleri, il-Bayzo.
Dawk li se jattendu se jkollom iċ-ċans ukoll li jaraw prestazzjonijiet minn għadd ta’ gruppi barranin, fosthom banda mill-Forza Navali Amerikana.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista enfasizza l-importanza ta’ dawn l-avvenimenti għaliex se jkomplu anke wara li tintemm il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan se jkun possibli bil-formazzjoni ta’ aġenzija li tiggarantixxi dawn l-avvenimenti. Waqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi, huwa awgura l-artisti kollha wirja ta’ suċċess.
Il-Malta Military Tattoo se ssir bejn il-21 u t-23 ta’ Settembru.