Li eluf kbar ta’ dixxendenti tal-gżejjer tagħna huma mferrxin madwar il-globu magħruf wisq tajjeb. B’riżultat ta’ sitwazzjonijiet diffiċli fl-istorja nazzjonali u l-emigrazzjoni tal-massa f’fażijiet differenti, isem pajjiżna jibqa’ jissemma regolarment, l-aktar fl-Awstralja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti b’mod partikolari.
Bl-għadd kbir ta’ rapporti u servizzi li saru maż-żmien u jibqgħu jsiru, inkluż il-programmi popolari ‘L-Aħwa fl-Awstralja’ flimkien ma’ Keith u Fabian Demicoli li xxandar fuq ONE sat-12 ta’ dan ix-xahar, nibqgħu niskopru aħjar kif iqattgħuha ħutna f’artijiet imbegħda, waqt li xorta ġarrew magħhom l-istess tradizzjonijiet li għandna hawnhekk.
Li hu inqas magħruf jew rarament jissemmew fostna, huma l-villaġġi, l-ibliet msemmijin eżatt bħal pajjiżna.
Isem li, fil-maġġoranza tal-każi, ilhom iġorruh għal sekli sħaħ, b’uħud mill-era Rumana fl-Ewropa jew qabel il-Gwerra Ċivili fl-Istati Uniti tal-Amerka, fost l-oħrajn.
Hemm dawk li kkopjaw isem pajjiżna stess wara li ntagħżel b’mod sporadiku u b’kumbinazzjoni minn fuq xi mappa tad-dinja jew globu jżejjen xi skrivanija, kif kienu ħafna mill-każi fl-Amerka.
Oħrajn m’għandhom l-ebda konnessjoni diretta magħna jew mal-isem li kien ingħata lil art twelidna, aktarx mill-Feniċi, li semmewha ‘Melite’, li tfisser “post tal-għasel” jew “ħlewwa” minħabba l-ispeċi endemika tagħna tan-naħal, jew ‘Maleth’, li fil-Grieg tal-qedem kienet tfisser “post sigur” jew “port” minħabba l-kenn li għadu joffri l-Port il-Kbir.
Hi x’inhi r-raġuni, sal-lum għadek tista’ ssib u tiskopri xejn inqas minn tmienja u għoxrin imsemmijin ‘Malta’ mifruxin mal-erbat irjieħ tad-dinja f’erbatax-il pajjiż b’kollox.
Il-maġġoranza tal-postijiet jinsabu ’l fuq mil-linja tal-ekwatur, bl-aktar ‘Malta’ fil-għoli tinsab fir-reġjun ta’ Rezeknes fil-Latvja u l-aktar post ’l isfel fir-reġjun ta’ Paraiba fil-Brażil.
L-Istati Uniti tal-Amerka għandha l-akbar numru ta’ postijiet imsemmijin ‘Malta’ – ħdax b’kollox. Ilkoll imferrxin f’reġjuni u stati differenti, li fil-maġġoranza ilhom stabbiliti sa mis-Seklu 18.
U waqt li l-aktar magħrufin huma l-ibliet ‘Malta’ fi New York u Montana, postijiet bl-istess isem jinstabu anke fl-istati ta’ Texas, South Carolina, Pennsylvania, Ohio, Iowa, Illinois, Idaho, Colorado u Alabama.
Ma’ dawn kien hemm belt oħra jisimha ‘Malta’, li ġiet stabbilita fl-istat ta’ Maine fl-1809, iżda wara ribelljoni, li wkoll kienet imsejħa l-‘Malta War’ fl-1820, l-isem inbidel l-ewwel għal ‘Gerry’ u sentejn wara għal ‘Windsor’, kif għadu sal-lum il-ġurnata.
Eqreb ta’ pajjiżna nsibu li ‘Malta’ hu l-isem ta’ postijiet fit-tliet reġjuni Portugiżi ta’ Porto, Guarda u Braganca.
Oħrajn jinstabu fl-Awstrija, fil-Bosnia u Herzegovina, fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Olanda, fil-Montenegro, fit-Turkija u fir-Rumanija.
Iżda oħrajn jeżistu lil hinn ukoll. Żewġ postijiet distinti bl-isem ta’ ‘Malta’ jinsabu fir-Russja, fir-reġjuni tagħha ta’ Irkutsk u Buryat, ieħor jinsab fil-Filippini fir-reġjun ta’ Bataan u ieħor fil-Kolumbja fir-reġjun ta’ Boyaca.