L-akbar trejdunjin f’pajjiżna, il-General Workers’ Union qalet li l-Malta Labour Migration Policy se tagħti direzzjoni b’saħħitha u deċiżiva. Dan intqal waqt laqgħa li l-unjin kellha mal-Ministru responsabbli mill-Intern u x-Xogħol, Byron Camilleri.
Is-Segretarju Ġenerali tal-unjin, Josef Bugeja, ikkummenta dwar din il-politika.
“Bħala General Workers’ Union, ilqajna b’sodisfazzjon id-dokument ta’ konsultazzjoni. Huwa dokument li qed jagħti direzzjoni sinifikanti b’saħħitha u deċiżiva biex jikkontrollaw l-abbużi li jsiru fuq il-ħaddiema barranin u ngħaqqdu, dak li dejjem għedna, kwalità fl-impjiegi u dak ikun ifisser, mhux biss għall-ħaddiema barranin, imma għall-ħaddiema Maltin, li qegħdin fis-suq tax-xogħol.”
Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, GWU
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri sostna li l-Gvern irid jassigura li l-ekonomija taħdem għan-nies u mhux in-nies jaħdmu għall-ekonomija.

Qal li pajjiżna llum qiegħed jitkellem mhux dwar kif l-eluf se jsibu xogħol, imma min iħaddem qed jitkellem dwar kif għandu bżonn aktar ħaddiema.
Din il-laqgħa ngħaqdet ma’ diversi oħrajn li l-Ministru Camilleri kellu ma’ diversi stakeholders, b’din il-konsultazzjoni se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Frar u wieħed jista’ jgħid tiegħu fuq publicconsultation.gov.mt.