Ftit jiem wara li l-Gvern ippreżenta d-dokument għall-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jirriforma l-mod kif jiġu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi terzi, aktar professjonisti u msieħba soċjali komplew ifaħħru din l-inizjattiva.
Joseph Mifsud mill-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem, fl-aħħar jiem, semma kemm kienet f’waqtha din il-politika, li hi bbażata fuq erba’ prinċipji ċari u 32 rakkomandazzjoni.
Hu sostna li, għalkemm il-ħaddiema barranin huma neċessità f’pajjiżna, bil-Malta Labour Migration Policy se jkunu qed jitnaqqsu l-abbużi.
ONE News tkellem ukoll mal-Professur Philip Von Brockdorff li sostna wkoll kif, wara li jiġu implimentati dawn il-miżuri, għandu jsir l-inforzar neċessarju għad-dinjità u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema.
“Importanti jsir l-inforzar neċessarju biex ovvjament tiżgura li dawn il-miżuri, malli jidħlu, ikun hemm aktar assigurazzjoni biex dawn il-ħaddiema jibqgħu jingħataw dik il-protezzjoni neċessarja biex wara kollox ovvjament il-kontribut tagħhom mhux biss jiġi rikonoxxut, imma ovvjament jiġu protetti wkoll.”
Professur Philip Von Brockdorff
F’kummenti li għadda lill-istazzjon nazzjonali, il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, sostna li għalihom it-tnedija tal-politika wkoll kienet verament pożittiva.
Hu tenna li, bis-saħħa tal-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar li ġej, dan għandu jkun, fl-aħħar mill-aħħar, dokument li jkun ta’ ġid għan-negozji Maltin u Għawdxin.