llum it-tmiem tal-Malta Arts Festival, iżda l-briju artistiku u kulturali se jibqa’ ħaj f’pajjiżna, bil-kapitlu tal-Malta Jazz Festival li se jibda fil-21 ta’ Lulju. Din l-edizzjoni se tiffokka fuq it-twessiegħ tal-bażi tal-udjenza li tħobb il-jazz.
Il-Ministru Owen Bonnici, li provda dettalji dwar il-festival waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li investiment f’dan il-qasam huwa investiment ukoll fil-legat li se jħalli warajħ il-festival.
Din is-sena hemm ix-xewqa li l-festival jolqot żgħażagħ li forsi qabel ma kinux japprezzaw dan il-ġeneru ta’ mużika. Fost oħrajn se jsiru kunċerti b’xejn.
Se jkunu offruti ukoll masterclasses għal mużiċisti u kunċerti ta’ nofsinhar fil-Belt Valletta li se jesponi talent żagħżugħ Malti li sabu l-appoġġ biex iwettqu l-ħolma mużikali tagħhom, grazzi għal dan il-festival. Dawn se jitħalltu ma’ mużiċisti internazzjonali li għandhom esperjenza ġenwina tal-ġeneru.