Tħabbru d-dettalji ta’ avveniment li ilu tant mistenni, speċjalment mill-komunità tad-dilettanti tal-ajruplani: il-Malta International Airshow. Dan se jsir bejn it-23 u 24 ta’ Settembru li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-avveniment se jkun maqsum fuq żewġ żoni: f’Ħal Safi u f‘Ħal Farruġ, fejn se jkun hemm faċilitajiet miftuħa għall-pubbliku. Hemmhekk, iI-pubbliku se jkun jista’ josserva l-inġenji tal-ajru u jitgħallem fuqhom mit-8am sas-1pm.
Se jkun hemm ukoll il-wirja tal-ajru mis-sagħtejn sas-sitta ta’ waranofsinhar ax-xatt ta’ San Pawl il-Baħar.
B’kollox, fl-Airshow se jieħdu sehem għaxar pajjiżi, inkluża Malta. Din is-sena l-Flying Bulls Display Team se jikkonsisti minn erba’ ajruplani, tnejn minnhom “War Birds”, li se jkunu parti mill-attrazzjonijiet speċjali. Se jieħdu sehem ukoll ir-Red Arrows u s-Swiss National Display Team “Patrouille Suisse”.
Il-President tal-Malta Aviation Society spjegalna għaliex dan se jkun AirShow partikolarment sinifikanti għall-Iżvizzeri.
“Se nkunu lucky ukoll għax dan se jkun l-aħħar airshow tagħhom, ukoll, għax dan it-tim se jispiċċa wara din l-attività tagħna min,bba li issa t-tip tal-ajruplan huwa antik.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li l-avveniment tant mistenni tal-Malta International Airshow huwa ieħor f’katina li turi s-sbuħija ta’ pajjiżna. Il-Ministru ħa din l-opportunità biex faħħar il-ħidma tal-ħaddiema fi ħdan is-settur turistiku li flimkien kisru rekords ġodda tat-turiżmu għal-pajjiżna.
“L-Awtorità tat-Turiżmu qed itella’ kalendarju ta’ avvenimenti ta’ kwalità għolja ħafna sabiex b’hekk naraw li kemm il-familji Maltin u Għawdxin u anki t-turisti jkollhom prodott turistiku aħjar mis-snin passati.”
Intant, Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li avveniment bħal dan jiġbed turiżmu b’saħħtu minn madwar id-dinja. Huwa kompla jgħid li dan huwa frott ta ħidma kollettiva ma’ diversi kumpaniji u awgura s-suċċess għal dan l-avveniment.
“Se nippromovu pajjiżna madwar id-dinja sabiex nattiraw turiżmu interessat f’dan it-tip ta’ shows.”
Tkellem ukoll, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop, minħabba li l-kumpanija hia sponser ewlieni tal-airshow. Huwa tkellem dwar l-opportunità sabiħa li dan l-avveniment joffri lill-ammiraturi tal-ajruplani u saħaq li wieħed mill-objettivi tal-kumpanija hu li tikkontribwixxi għall-pajjiż b’avvenimenti bħal dawn.
Ritratt ewlieni: Gareth Degiorgio